Parroċċa Madonna tal-Karmnu - Fgura
"U meta nintrefa' 'l fuq mill-art, jien niġbed il-bnedmin kollha lejja." Ġw. 12,32.

GĦAQDIET

GRUPP KATEKISTI FIL-QUDDIES TAL-HDUD U L-FESTI

Il-katekeżi tat-tfal waqt il-quddies tal-Ħdud bidet fil-parroċċa tagħna fl-ewwel Ħadd t’Ottubru 2004 fil-quddiesa tal-Ħadd fil-għaxija.  L-attendenza  tat-tfal subien u bniet kienet tkun bejn l-20 u t-30 fil-waqt li l-katekisti kienu tnejn.

Illum wara ħames snin din l-inizjattiva żdiedet mhux biss fin-numru ta’ tfal li issa wassal għal 200 imma wkoll fin-numru ta’ katekisti li issa huma 16.  Dan is-servizz qed jiġi offrut fil-quddies tal-5:30pm u tas-6:30pm nhar ta’ Sibt u fil-quddies ta’ l-10:00am, l-11:00am u s-6:30pm kull nhar ta’ Ħadd. 

Il-katekisti jiffurmaw grupp fi ħdan il-Kummissjoni Liturġika Parrokkjali u jmexxu din l-inizjattiva b’entużjażmu u dedikazzjoni.  Huma jkollhom laqgħat ta’ formazzjoni spiritwali u liturġika kull xaharejn. 

Il-katekeżi normalment issir fis-Sala San Ġorġ Preca jew fis-Sala Parrokkjali u t-tfal jiġu msejjħa wara l-kolletta tal-quddiesa u jibqgħu sat-tmiem ta’ l-omelija. Wara l-ispjega ta’ l-Evanġelju t-tfal jiġu mogħtija worksheet relatata mal-liturġija tal-ġurnata.  Dawn il-worksheets wara li jiġu kompluti mit-tfal jinżammu fi scrapbook jew file biex fl-aħħar tas-sena liturġika jinġabru mill-katekisti.

It-tfal jinqasmu fi tliet gruppi skond l-età tagħhom.

  • Grupp A:  bejn 5 u 6 snin
  • Grupp B:  bejn 7 u 8 snin
  • Grupp C:  bejn 9 u 10 snin.

Jiġu ppremjati l-aħjar żewġ xogħolijiet minn kull grupp u tingħata wkoll tifkira lit-tfal l-oħra kollha.  Din il-premjazzjoni ssir waqt ċelebrazzjoni apposta għat-tfal f’Jannar. 

Bl-għajununa tal-katekisti tagħna din l-inizjattiva sabiħa ġiet introdotta wkoll fil-parroċċi ta’ Wied il-Għajn u ta’ l-Isla.  Aħna konvinti mill-ġid li qed joħroġ minn din il-katekeżi mhux biss għat-tfal imma wkoll għall-ġenituri tagħhom u lesti li ngħinu parroċċi oħra biex jintroduċu dan is-servizz fil-ħidma pastorali tagħhom.

Agħfas hawn biex tmur lura fil-Lista ta' l-Għaqdiet