L-Ittra Pastorali mill-Isqfijiet
Għeżież,
Is‑sejħa li jagħmlilna Ġesù llum, “Indmu u emmnu
fl‑Evanġelju” (Mk 1:15), hi sejħa biex aħna nħaddnu
l‑Aħbar it‑Tajba u mmorru fil‑qalba tal‑fidi tagħna,
kif ifissirha Ġesù stess: “Alla hekk ħabb lid‑dinja
li ta lil Ibnu l‑waħdieni biex kull min jemmen fih
ma jintilifx imma jkollu l‑ħajja ta’ dejjem” (Ġw
3:16).
Alla hu mħabba u lilna, bħala wliedu, isejħilna biex
ngħixu fl‑imħabba. “Intom ilkoll aħwa” (Mt 23:8)
jgħid Ġesù lid‑dixxipli tiegħu, u dan hu li nfissru
meta flimkien lil Alla nsejħulu Missierna. Il‑Papa
Franġisku, fl‑enċiklika tiegħu Fratelli Tutti
fuq il‑fraternità u l‑ħbiberija soċjali, irid
iwasslilna b’mod qawwi dan il‑messaġġ. Ispirati
minnu, nixtiequ nwasslu dan il‑messaġġ tiegħu u
nagħmlu stedina lil kulħadd biex nibnu soċjetà ta’
għożża u solidarjetà.
Persuni fil‑periferija jew skartati
Qabel xejn, għandna f’qalbna dawk il‑persuni li
jħossuhom emarġinati jew huma fil‑periferija, li
huma kultant vittmi ta’ dik li l‑Papa jsejjaħ
“il‑kultura tal‑iskart”. Il‑pandemija tal‑COVID‑19
ħarġet aktar fid‑deher kemm hawn persuni li
jħossuhom iżolati u waħedhom, jew b’sens ta’ vojt
kbir f’ħajjithom. Matul dan iż‑żmien żdiedu
l‑problemi ta’ saħħa mentali u ta’ tbatija
fir‑relazzjonijiet.
Huma jfakkruna kemm hu importanti li nisimgħu
l‑għajta ta’ dawk li qegħdin ibatu, imma wkoll
il‑karba siekta ta’ dawk li qed ibatu waħedhom.
Quddiem ir‑realtà ta’ persuni li qed ibatu, nistgħu
jew nibqgħu għaddejjin u ma nagħtux każ, jew nieqfu
biex ngħinu. Aħna rridu nsellmu lil tant persuni li
qegħdin juru għożża u solidarjetà b’mod konkret ma’
dawn il‑persuni vulnerabbli. Huma jfakkruna kemm hu
importanti li nisimgħu l‑għajta ta’ dawk li qegħdin
ibatu, imma wkoll il‑karba siekta ta’ dawk li qed
ibatu waħedhom.
Il‑Papa Franġisku kontinwament ifakkarna li għandna
nisimgħu l‑karba ta’ dawkil‑persuni li qed ifittxu
kenn għax qed jaħarbu minn kriżijiet umanitarji
serji, nisimgħu l‑istejjer tal‑ħajjiet imċarrta
tagħhom, u noffru ambjent fejn iħossuhom milqugħa,
imħarsa, imwieżna u integrati.
Negħlbu l‑virus tal‑individwaliżmu
Il‑Papa jagħmlilna sejħa biex naħdmu favur ix‑xewqa
dinjija ta’ fraternità, li tibda mill‑għarfien li
aħna lkoll aħwa. Il‑Papa juri kif is‑soċjetà
globalizzata, filwaqt li ħafna drabi tqarribna lejn
xulxin, ma tagħmilniex aħwa. Huwa aħna li rridu
nieħdu l‑impenn li ngħixu tassew fl‑imħabba u
l‑għożża ta’ xulxin.
Flimkien nistgħu naħdmu għal soċjetà mingħajr ħitan
u mingħajr fruntieri li jifirduna.
Jekk aħna nkunu tassew miftuħin għall‑imħabba ta’
Alla u naqsmuha mal‑oħrajn, inkunu qed ngħixu
l‑fraternità li tfisser li nixtiequ minn qalbna
l‑ġid lil xulxin. F’dan is‑sens ma nħarsux lejn
l‑oħrajn bħala avversarji, imma bħala aħwa. Flimkien
nistgħu naħdmu għal soċjetà mingħajr ħitan u
mingħajr fruntieri li jifirduna. Hu b’dan il‑mod li
jista’ jingħeleb il‑virus tal‑individwaliżmu. Aħna
nsibu l‑milja tagħna mhux meta ningħalqu fina nfusna
u nduru magħna nfusna, imma meta ningħataw
għall‑oħrajn.
Djalogu
Meta nħarsu lejn xulxin bħal aħwa, inkunu nistgħu
naħdmu flimkien għal soċjetà ta’ djalogu li hu
t‑triq li biha tinbena l‑ħbiberija soċjali.
Id‑djalogu jirrispetta, isaħħaħ u jfittex il‑verità.
Jgħinna biex noqorbu lejn xulxin, inħarsu lejn
xulxin, nisimgħu lil xulxin, nagħrfu ngħixu dak li
l‑Papa Franġisku jsejjaħ “l‑arti tas‑smigħ”
tal‑oħrajn. Id‑djalogu jgħinna nesprimu ruħna
b’rispett u nagħtu l‑kontribut tagħna bla biża’.
Persuna li tiddjaloga b’ġentilezza taf tirrispetta
tassew lill‑ieħor jew lill‑oħra.
Id‑djalogu jgħinna nifhmu kif l‑oħrajn li huma
differenti minna huma don u għana, għax
id‑differenzi jirrappreżentaw possibbiltà biex
nikbru flimkien.
Infejqu l‑ġrieħi
Aħna u niddjalogaw irridu naffaċċjaw ir‑realtà
tal‑ġrieħi li kultant inġorru individwalment u bħala
soċjetà. Hemm ġrieħi li nġorru fina u
fir‑relazzjonijet personali. Hemm ġrieħi wkoll
fil‑ħajja pubblika u fil‑ħajja tal‑komunitajiet
tagħna. Insemmu bħala eżempji, it‑tribaliżmu,
ir‑razziżmu, il‑mibegħda, il‑vjolenza domestika,
it‑tkissir tal‑familji, l‑użura, l‑abbuż mill‑akoħol
u d‑droga, ir‑regħba, l‑użu ħażin tal‑poter, u wkoll
it‑tkerrih tal‑wirt naturali tagħna.
Il‑maħfra tfisser li ma nħallux l‑esperjenza ħażina
li għaddejna minnha torbotna bi ktajjen u
tikkundizzjonana.
Jeħtieġ naħdmu biex infejqu l‑ġrieħi, u dan nagħmluh
bi spirtu ta’ maħfra. Il‑maħfra ma tfissirx li
ninsew jew li nħallu dak li għaddejna minnu midfun
fina, jew li nibqgħu ċassi quddiem dak li hu ħażin u
inġust. Il‑maħfra ma tfissirx impunità. Il‑maħfra
tfisser li ma nħallux l‑esperjenza ħażina li
għaddejna minnha torbotna bi ktajjen u
tikkundizzjonana. Il‑maħfra tgħinna noħorġu
miċ‑ċirku vizzjuż tal‑vendetta, waqt li nkomplu
naħdmu bis‑sħiħ għal dak li hu ġust u sewwa.
L‑enċiklika Fratelli Tutti tistedinna għal
imħabba li tkisser il‑ktajjen, mhux toħloq ktajjen
ġodda, u li tibni pontijiet u mhux ħitan. B’hekk
inkunu nistgħu negħlbu l‑preġudizzji, il‑ħitan li
nbnew tul is‑snin, u nkunu parti attiva fil‑fejqan
ta’ soċjetà miġruħa.
Inħarsu l‑ħajja
Bi spirtu ta’ għożża u solidarjetà hemm bżonn li
naħdmu aktar bis‑sħiħ għal kultura li tirrispetta
l‑ħajja u d‑dinjità ta’ kull bniedem. Kull ħajja
umana hija prezzjuża, maħluqa xbieha ta’ Alla. Hija
din il‑protezzjoni tal‑ħajja umana mill‑ewwel mument
tat‑tnissil tagħha sat‑tmiem naturali tagħha, u
f’kull waqt tagħha, li hi l‑pedament ta’ kultura ta’
rispett lejn id‑drittijiet ta’ kull bniedem. Dawk
vulnerabbli u dgħajfa jeħtieġu aktar attenzjoni u
kura. Ħadd m’hu żejjed, ħadd qatt ma għandu jiġi
eliminat.
San Ġużepp – ispirazzjoni mill‑isbaħ
Fil‑ħidma tagħna għal soċjetà ta’ għożża u
solidarjetà, għandna eżempju mill‑isbaħ f’San
Ġużepp, li l‑Papa Franġisku ried li jkun ta’
ispirazzjoni għalina b’mod speċjali f’din is‑sena
ddedikata lilu. San Ġużepp hu l‑bniedem li għadda
minn mumenti ta’ kriżi u ta’ tbatija, fosthom
it‑tfittxija ta’ kenn barra minn artu mal‑familja
tiegħu refuġjata. Imma lil San Ġużepp insibuh dejjem
b’fiduċja kbira f’Alla, mimli mħabba u ħlewwa lejn
l‑oħrajn u sensittività lejn il‑ħtiġijiet tagħhom.
Hu l‑bniedem li jisma’ u li fl‑istess waqt jieħu
azzjoni b’kuraġġ biex jipproteġi l‑ħajja ta’ Marija,
u ta’ Ġesù, ukoll qabel it‑twelid. San Ġużepp jurina
kif tkun il‑qalb ta’ missier.
Matul dan ir‑Randan nitolbu l‑protezzjoni tiegħu u
l‑interċessjoni tiegħu biex matul din is‑sena jgħin
lilna lkoll biex inkunu strumenti ta’ għożża u
solidarjetà fis‑soċjetà Maltija.
Nagħtukom il‑barka pastorali tagħna.
✠
Charles Jude Scicluna
✠
Anton Teuma
✠
Joseph Galea-Curmi
|