L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Is 55, 1-3

Dan jgħid il-Mulej:

Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma,

intom ukoll li m’għandkomx flus.

Ejjew, ixtru u kulu b’xejn,

inbid u ħalib bla ħlas.

Għaliex taħlu fluskom f’dak li m’huwiex ħobż,

u ġidkom f’dak li ma jxebbax?

Isimgħu minni, u tieklu tajjeb,

u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.

Agħtuni widen u ersqu lejja,

isimgħu u tieħdu r-ruħ.

Nagħmel patt magħkom għal dejjem,

biex iseħħu l-favuri mwiegħda lil David.

Il-Kelma tal-Mulej.


SALM RESPONSORJALI                     

Salm 144

RIT: Mulej, inti ttaffi x-xewqat tagħna.

Twajjeb u ħanin il-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kull ma għamel.

RIT .

Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej,

u inti tagħtihom l-ikel f’waqtu.

Int tiftaħ idek,

u xxabba’ ’l kulħadd bil-ġid.

RIT .

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,

twajjeb f’dak kollu li għamel.

Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,

lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.

RIT .

 


IT-TIENI QARI

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Rum 8, 35.37-39

Ħuti, min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq,

il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? Imma f’dan

kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna. Għax

jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien

t’issa u la ta’ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa

oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu

Ġesù Sidna.

 

Il-Kelma tal-Mulej.



VERSETT
Hallelujah.
Halleluljah.
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.

Hallelujah.

L-EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Mt 14, 13-21

F’dak iż-żmien, meta sama’ l-aħbar tal-mewt ta’ Ġwanni l-Battista,

Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab.

Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet.

Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u

fejqilhom il-morda tagħhom.

Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan

post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa

jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu. Imma Ġesù qalilhom: “Ma

għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu. U huma

qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.

Ġibuhomli hawn, qalilhom. Imbagħad ordna lin-nies biex

joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix; ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ

ħutiet, rafagħajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom

lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies.

U kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom

tnax-il qoffa. U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu,

barra n-nisa u t-tfal.

Il-Kelma tal-Mulej.