L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Is 2, 1-5
Il-kelma li ġiet f’dehra lil Isaija bin Amos,
dwar Ġuda u Ġerusalemm.
Għad jiġri fl-aħħar jiem
li l-għolja tad-dar tal-Mulej
togħla ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji,
u tintrefa’ ’l fuq mill-għoljiet,
lejha għad jiġru l-ġnus kollha.
Kotra ta’ popli għad jiġu u jgħidu:
“Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej,
lejn id-dar ta’ Alla ta’ Ġakobb,
biex jgħallimna triqatu,
u nimxu fil-mogħdijiet
tiegħu.
Għax minn
Sijon joħroġ it-tagħlim,
u l-kelma tal-Mulej
minn Ġerusalemm.
Il-Mulej jagħmel
il-ħaqq bejn il-ġnus,
u jaqta’ s-sentenza bejn ħafna
popli;
u huma jibdlu
x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet,
u l-lanez tagħhom
fi mnieġel.
Ebda ġens ma jerfa’ x-xabla kontra ġens ieħor,
u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex
iżjed.
Ejja, dar Ġakobb,
ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 121
RIT: Immorru ferħana f’dar il-Mulej!
Fraħt meta qaluli:
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġa’ qegħdin riġlejna
fi
bwiebek, Ġerusalemm!
Rit… Immorru ferħana f’dar il-Mulej!
Lejha t-tribujiet jitilgħu,
it-tribujiet tal-Mulej,
biex, skond il-liġi ta’ Iżrael,
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu
t-tronijiet tal-ħaqq,
it-tronijiet tad-dar ta’ David.
Rit… Immorru ferħana f’dar il-Mulej!
Itolbu s-sliem għal
Ġerusalemm:
Ħa jkollhom is-sliem
dawk kollha li jħobbuk!
Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa
l-ħitan tiegħek,
u l-ġid fil-palazzi tiegħek!
Rit… Immorru ferħana f’dar il-Mulej!
Minħabba ħuti u ħbiebi,
ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!”
Minħabba f’dar il-Mulej,
Alla tagħna, nixtieq illi jkollok
il-ġid.
Rit… Immorru ferħana f’dar il-Mulej!
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra
ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.
Rum 13,
11-14a
Ħuti, waslet is-siegħa
li intom tqumu min-ngħas; għax is-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn
meta bdejna nemmnu. Il-lejl għoddu
għadda, u qorob il-jum. Inwarrbu mela l-għemil
tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl. Ngħixu kif jixraq, bħal
f’bi nhar; mhux bl-ikel iż-żejjed
u s-sokor, mhux biż-żina u t-tbahrid, mhux bil-ġlied u l-għira. Imma ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu u ħallukom mill-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Uri lilna,
Mulej, it-tjieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Mt 24,
37-44
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: ”Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja
ta’ Bin il-bniedem. Għax
kif fiż-żmien ta’
qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewġu
u jżewġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd,
hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem.
Imbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla.
Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi
Sidkom. Kunu afu dan,
li kieku sid
id-dar kellu jkun jaf f’liema
sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom
ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.”
Il-Kelma tal-Mulej.