L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb  ta’ Bin Sirak

Sir 3, 17-20.28-29

 

Ibni, kun ġwejjed fix-xogħol li tagħmel, u tkun maħbub iktar minn wieħed milqugħ min-nies. Akbar m’int, iktar għandek iċċekken ruħek, u ssib grazzja quddiem il-Mulej.

 

Ħafna huma  l-imkabbrin u l-imsebbħin, imma l-Mulej jikxef lill-umli l-misteri tiegħu.

Għax kbira hi s-setgħa tal-Mulej, imma hu msebbaħ min-nies umli.

 

Mhemmx duwa għall-bniedem kollu kburija, għax din ħaxixa ħażina b’għeruqha mxenxla fih.  Min għandu l-għerf jifhem il-proverbji u l-għaref ħerqan li jkollu min jisimgħu.

Il-Kelma tal-Mulej.


SALM RESPONSORJALI                     

Salm 67

Rit: O Alla, int ħejjejt dar għall-fqajjar

 

 

Il-ġusti jithennew quddiem Alla,
jifirħu u jaqbżu bil-ferħ.

Għannu lil Alla, faħħru ismu.

Tgħaxxqu fil-Mulej, aqbżu bil-ferħ quddiemu. 
Rit...

 

Missier l-iltiema u difensur tar-romol,
hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu.

Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom,
u lill-ħabsin bir-riżq joħroġhom.

Rit...

 

Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla, fuq l-art, wirt tiegħek,
u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha.

Il-poplu tiegħek għammar fiha,

fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha.
Rit...
                                       

 

IT-TIENI QARI

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Lhud 12, 18-19. 22-24a

 

Ħuti, intom ma rsaqtux lejn in-nar materjali u jħeġġeġ tas-Sinaj; lejn dak is-swied u d-dlam u r-riefnu; lejn dak id-daqq ta’ tromba u ħoss ta’ kliem li dawk li kienu jisimgħuh talbu bil-ħerqa biex ma jkellimhomx aktar.

 

Imma intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema; ersaqtu lejn eluf ta’ anġli f’ġemgħa ferrieħa; lejn il-ġemgħa tal-ulied ewlenin li isimhom hu miktub fis-sema; lejn Alla l-imħallef ta’ kulħadd; lejn l-erwieħ ta’ nies tajba u perfetti; lejn Ġesù l-medjatur ta’ patt ġdid.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

 

 

VERSETT
Hallelujah.
Halleluljah.
Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi, jgħid il-Mulej,
u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli.

Hallelujah.

L-EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Lq 14, 1.7-14

 

Darba, kien is-Sibt, Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu  għajnejhom fih.

 

Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: ”Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek: “Agħti l-post lil dan,” u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar.

 

Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek: “Ħabib, itla f’post aktaril fuq.” U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken;

u min jiċċekken, jitkabbar.”

 

Imbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom  mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom.

Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja.”

Il-Kelma tal-Mulej.