L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Ġen 22, 1-2.9a.10-13.15-18

 

F’dak  iż-żmien, Alla ried iġarrab lil Abraham u qallu: “Abraham!”

U hu wieġbu: “Hawn jien!” U qallu: “Aqbad lil ibnek il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta’ Morija, u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek.”

 

U waslu fil-post li kien semmielu Alla. U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu. U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham, Abraham!” U dan wieġbu: “Hawn jien.” U qallu:”La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża’ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni.”

 

U Abraham rafa’ għajnejh, ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi. U Abraham mar u qabad il-muntun, u offrieh b’sagrifiċċju tal-ħruq minflok ibnu.

 

U għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet u qallu: “Naħlef fuq ruħi - oraklu tal-Mulej - la darba int għamilt ħaġa bħal din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni, jien imbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar; u nislek għad jiret bwieb

l-għedewwa tiegħu. U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art talli smajt minn kelmti.”

 

Il-Kelma tal-Mulej.


SALM RESPONSORJALI                     

Salm 115

 

RIT: Jien nimxi quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin

 

Bqajt nemmen, imqar meta għedt:

“Jien imdejjaq ħafna!”

Għażiża f’għajnejn il-Mulej

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.   

Rit...

 

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek,

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek. Int ħallejtli l-irbit tiegħi.

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr, u isem il-Mulej insejjaħ.   

Rit...

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, quddiem il-poplu tiegħu kollu,

fil-btieħi ta’ dar il-Mulej,

ġo nofsok, Ġerusalemm!    

Rit...

 

 

IT-TIENI QARI

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Rum 8, 31b-34

 

Ħuti, jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna? Hu, li lanqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu?

Min se jakkuża l-magħżulin  ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. Min se jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol għalina.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

 


VERSETT
Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Minn ġos-sħaba kollha dawl instama’ leħen il-Missier jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu.”

Glorja u tifħir lilek, Kristu!



 

L-EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Mk 9, 2-10

 

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom.

Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.

 

Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.” Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.

 

Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.” Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd  iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu. Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd  fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser tqum mill-imwiet.

Il-Kelma tal-Mulej.