L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

Dewt 18, 15-20

 

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-Mulej, Alla tiegħek, iqajjimlek

profeta bħali minn ġensek, minn fost ħutek; lilu għandkom tisimgħu.

Dan kollu skont ma tlabt inti stess lill-Mulej, Alla tiegħek, fil-Ħoreb f’jum il-laqgħa, meta għedt: “Jalla ma nismax aktar leħen il-Mulej, Alla tiegħi, u ma narax aktar dan in-nar iħeġġeġ, ħalli ma mmutx.”

U l-Mulej qalli: “Sewwa għamlu li tkellmu. Jiena nqajmilhom profeta bħalek, minn fost ħuthom; inqiegħed kliemi fuq fommu, u jħabbrilhom kull ma nordnalu. Min ma jagħtix widen għal kliemi li huwa jħabbar f’ismi, jiena nitolbu kont talli jkun naqas. U jekk xi profeta jfettillu jgħid f’ismi ħwejjeġ li ma nkunx qabbadtu jgħid, jew inkella jħabbar f’isem allat oħra, dan il-profeta jkun ħaqqu l-mewt.”

 

Il-Kelma tal-Mulej.


SALM RESPONSORJALI                     

Salm 94

 

RIT: Mhux li kontu llum tisimgħu leħen il-Mulej. La twebbsux qalbkom

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr, ngħannulu b’għajjat ta’ ferħ.

Rit…

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkupptejna  quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.      

Rit…

 

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!

”La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba, bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom, għalkemm raw dak li jien għamilt.”  

Rit…

 

 

IT-TIENI QARI

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

1 Kor 7, 32-35

 

Ħuti, iva, jiena rridkom bla ħsibijiet. Ir-raġel mhux miżżewweġ,

ħsiebu fil-ħwejjeġ tal-Mulej,  jiġifieri, kif jogħġob lill-Mulej. Min

hu miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif jogħġob lil martu, u hu mifrud fih innifsu!

 

Hekk ukoll il-mara mhix miżżewġa u x-xebba ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Mulej,  jiġifieri, biex ikunu qaddisa f’ġisimhom u f’ruħhom. Iżda l-mara miżżewġa ħsiebha fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif togħġob lil żewġha.

 

Dan qiegħed ngħidhulkom għall-ġid tagħkom, mhux biex inxekkilkom, iżda għall-ġid  tagħkom u biex tgħixu marbutin mal-Mulej bla tixrid ta’ moħħ.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

 


VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir; dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom.

Hallelujah.


L-EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Mk 1, 21-28

 

F’dak  iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu daħlu Kafarnahum. Malajr, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba.

Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt  biex teqridna? Jien naf min int: Il-Qaddis ta’ Alla!”

Imma Ġesù kkmandah: “Iskot! Oħroġ minnu!” Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.

U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih?” U l-fama tiegħu malajr xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija.

 

Il-Kelma tal-Mulej.