L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli

Atti 3, 13-15.17-19

 

 

F’dak  iż-żmien, Pietru qal lill-poplu: ”Alla ta’ Abraham,

Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb, Alla ta’ missirijietna gglorifika lill-qaddej tiegħu, Ġesù, li intom ittradejtuh u ċħadtuh quddiem Pilatu, għalkemm dan kien qatagħha li jitilqu. Intom ċħadtu l-Qaddis u l-Ġust, tlabtu l-ħelsien ta’ wieħed qattiel u qtiltu lill-awtur tal-ħajja. Imma Alla qajmu mill-imwiet, u ta’ dan aħna xhieda.

 

Issa, ħuti, jiena naf li kemm intom u kemm il-kapijiet tagħkom, għamiltu dan għaliex ma kontux tafu. Imma b’hekk Alla temm dak li hu kien ħabbar sa minn qabel b’fomm il-profeti, jiġifieri, li l-Messija tiegħu kellu jbati. Indmu, mela, u erġgħu lura minn dnubietkom biex jinħafrulkom.”

 

Il-Kelma tal-Mulej.


SALM RESPONSORJALI                     

Salm 4

RIT: Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah

 

Weġibni, meta nsejjaħlek, Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa’ meta nkun imdejjaq,

ħenn għalija u isma’ talbi.  

RIT…

 

Kunu afu li l-Mulej

wera tjieba kbira miegħi;

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

RIT…

 

Ħafna jgħidu: “Min jurina r-riżq?” Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem,

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

RIT…


IT-TIENI QARI

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann  Appostlu

1 Ġw 2, 1-5a

Uliedi, dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux; imma jekk xi

ħadd  jidneb, aħna għandna  Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-ġust. U hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha.

 

U b’dan nafu li nagħrfu ’l Ġesù: jekk inżommu l-kmandamenti tiegħu. Min jgħid: “Jiena nafu” u ma jżommx il-kmandamenti tiegħu, hu giddieb u l-verità mhijiex fih. Iżda kull min iżomm il- kelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha.

 

Il-Kelma tal-Mulej.



VERSETT
Hallelujah. Hallelujah

Mulej Ġesù, fissrilna l-Iskrittura;

ħeġġilna qalbna, int u tkellimna.

Hallelujah


L-EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Lq 24, 35-48

F’dak iż-żmien,  iż-żewġ dixxipli li reġgħu lura Ġerusalemm minn Għemmaws kienu qegħdin itarrfu lill-Ħdax u lil dawk li kienu magħħom xi ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż.

 

Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Huma twerwru bil-biża’ għax

ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien.” Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh. Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom,

kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom:

“Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?” Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, u hu ħadha u kielha quddiemhom.

 

Imbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet: jeħtieġ li jseħħ  kull ma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi.” Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu

l-Iskrittura. U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra

tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu.”

Il-Kelma tal-Mulej.