L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli
Atti 10, 25-26.34-35.44-48
Xħin daħal Pietru fid-dar ta’
Kornelju, dan mar jilqgħu u ntefa’
f’riġlejh jagħtih qima. Imma
Pietru qajmu u qallu: “Qum. Jien bniedem ukoll.”
Pietru qabad jitkellem u qal: “Issa tassew
qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma
jilqa’ lil kull min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel
is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.”
Meta Pietru kien għadu qiegħed
jgħid dan, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq dawk kollha li kienu
jisimgħuh. Dawk li kienu marru ma’ Pietru, Lhud li kienu emmnu,
stagħġbu kif Alla sawwab id-don tal-Ispirtu s-Santu fuq il-pagani
wkoll. 46Għax semgħuhom jitkellmu bl-ilsna u jfaħħru
l-kobor ta’ Alla.
Imbagħad Pietru qal: ”Jista’ xi
ħadd jiċħad l-ilma
tal-magħmudija lil dawn in-nies, li ħadu l-Ispirtu s-Santu bħalma ħadnieh
aħna wkoll?”
U ordna li jitgħammdu fl-isem ta’
Kristu. Imbagħad huma talbuh jibqa’ għal ftit jiem magħhom.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 97
RIT: Hallelujah,
Hallelujah, Hallelujah
Għannu lill-Mulej għanja ġdida, għax
għamel ħwejjeġ tal-għaġeb. Ġibitlu r-rebħa
l-leminija tiegħu, u d-driegħ imqaddes tiegħu.
RIT…
Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni
tiegħu, f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu mal-poplu ta’
Iżrael.
RIT…
L-art kollha, minn tarf
għall-ieħor, rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu!
RIT…
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu
1 Ġw 4, 7-10
Għeżież, ejjew inħobbu
’l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u
kull min iħobb hu mwieled minn Alla u
jagħraf lil Alla. Dak li ma
jħobbx ma għarafx lil Alla,
għax Alla hu mħabba.
B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina,
għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu
bih.
U hawn qiegħda l-imħabba; mhux
għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu u
bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah.
Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid
il-Mulej;
u Missieri jħobbu, u aħna niġu u
ngħammru għandu.
Hallelujah
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Ġw 15, 9-17
F’dak
iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: ”Kif
ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba
tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi
mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed
f’imħabbtu. Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom,
u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.
Dan hu l-kmandament tiegħi: li
tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu
mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal
ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma
nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel
sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand
Missieri jiena għarrafthulkom.
Mhux intom għażiltu lili, imma
jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott
u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi,
huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil
xulxin.”
Il-Kelma tal-Mulej.