L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb ta’ l-Eżodu
Eż 19, 2-6a
F’dak iż-żmien,
wara li refgħu t-tined,
minn Rafidim ulied Iżrael waslu fid-deżert tas-Sinaj u waqqfu t-tined fid-deżert. Iżrael waqqaf it-tined hemm, biswit il-muntanja.
Mosè tala’ ħdejn Alla, u l-Mulej sejjaħlu mill-muntanja u qallu: “Dan għid lil dar
Ġakobb u għarraf lil ulied Iżrael: “Rajtu intom x’għamilt
lill-Eġizzjani, u kif lilkom
ġarrejtkom fuq il-ġwienaħ ta’ l-ajkli u ressaqtkom lejja. Issa, jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt
tiegħi minn fost il-popli kollha,
għax l-art kollha tiegħi. Intom tkunu għalija
saltna ta’ qassisin u ġens qaddis.”
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI
Salm 99 (100), 2.3.5
RIT: Aħna l-poplu
tiegħu u n-nagħaġ
tal-mergħa tiegħu
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha ta’ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej,
idħlu quddiemu
b’għana ferrieħi.
Rit....
Kunu afu li Jaħweh hu Alla, hu ħalaqna u aħna tiegħu,
aħna l-poplu
tiegħu u n-nagħaġ
tal-mergħa tiegħu.
Rit....
Għax twajjeb
il-Mulej,
għal dejjem
it-tjieba tiegħu;
minn żmien
għal żmien il-fedeltà tiegħu. Rit....
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Rum 5, 6-11
Ħuti, meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena. Bilkemm
wieħed imut għal wieħed tajjeb, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal
wieħed ġeneruż.
Iżda Alla wriena l-imħabba
tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.
Kemm aktar u aktar issa
li aħna ġġustifikati
b’demmu, insalvaw permezz tiegħu mill-korla ta’ Alla!
Jekk meta konna
għadna għedewwa ta’
Alla tħabbibna miegħu
bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm iktar issa, li aħna ħbieb miegħu, insalvaw permezz tal-ħajja tiegħu? Mhux hekk biss,
imma niftaħru wkoll f’Alla b’Sidna
Ġesù Kristu li permezz tiegħu ksibna din il-ħbiberija.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Is-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju
skont San Mattew
Mt 9, 36 - 10, 8
F’dak iż-żmien, Ġesù ra n-nies u tħassarhom,
għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu:
“Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.”
Sejjaħ lejh
it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti
ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta
ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn
saħħtu.
L-ismijiet tat-tnax-il appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu
Pietru, u ħuh Indri, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.
Lil dawn
it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma qabel xejn morru
fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu
l-mejtin, fejqu
l-lebbrużi, keċċu
x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.”
Il-Kelma tal-Mulej.