L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija
Żakk 9, 9-10
Dan jgħid
il-Mulej: ”Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon,
għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm!
Ara, is-sultan tiegħek
ġej għandek;
ġust u rebbieħ,
umli u riekeb fuq ħmar,
fuq felu ta’ ħmara.
Hu jeqred
il-karru minn
Efrajm
u ż-żiemel
minn Ġerusalemm;
jinqered il-qaws tal-gwerra.
Hu jxandar
il-paċi lill-ġnus,
il-ħakma tiegħu
tkun minn baħar sa baħar,
u mix-xmara
ta’ l-Ewfrat sat-trufijiet.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 144
RIT: Mulej, inbierek ismek għal dejjem
Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,
u nbierek ismek
għal dejjem ta’ dejjem.
Kuljum irrid inbierkek,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.
RIT.
Twajjeb u ħanin il-Mulej,
idum biex jagħdab
u kollu tjieba.
Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,
tjubitu fuq kull
ma għamel.
RIT.
Kull ma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu.
RIT.
Ta’ kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu
li għamel.
Iwieżen il-Mulej lil kull min se jaqa’,
iqajjem lil kull
min hu mitluq.
RIT.
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl
Appostlu lir-Rumani
Rum 8,
9.11-13
Ħuti, intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma ta’ l-Ispirtu,
ladarba hemm l-Ispirtu
ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma
għandux fih l-Ispirtu
ta’ Kristu, dan m’huwiex tiegħu. Jekk l-Ispirtu
ta’ dak li qajjem
lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess
li
qajjem lil Kristu
mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet
tagħkom, bis-saħħa ta’ l-Ispirtu li jgħammar fikom.
Hekk mela, ħuti,
aħna m’aħniex midjunin mal-ġisem biex ngħixu
skond il-ġisem. Għax jekk tgħixu skond il-ġisem, tmutu; imma jekk
tmewtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Mt 11,
25-30
F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: Infaħħrek, Missier, Sid is-sema
u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf
u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin.
Iva, Missier, għax lilek hekk
għoġbok. Kollox kien
mogħti lili minn Missieri,
u ħadd ma jagħraf
lill-Iben jekk mhux
il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk
mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben
irid jgħarrafhulu.
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena
nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni,
għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu
l-mistrieħ għal
ruħkom. Għax il-madmad tiegħi
ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.
Il-Kelma tal-Mulej.