L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Is 55, 1-3
Dan jgħid il-Mulej:
”Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma,
intom ukoll li m’għandkomx flus.
Ejjew, ixtru u kulu b’xejn,
inbid u ħalib bla ħlas.
Għaliex taħlu fluskom f’dak li m’huwiex ħobż,
u ġidkom f’dak li ma jxebbax?
Isimgħu minni, u tieklu tajjeb,
u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.
Agħtuni widen u ersqu lejja,
isimgħu u tieħdu r-ruħ.
Nagħmel patt magħkom
għal dejjem,
biex iseħħu l-favuri mwiegħda lil David.
Il-Kelma tal-Mulej.
Salm 144
RIT: Mulej, inti
ttaffi x-xewqat tagħna.
Twajjeb u ħanin il-Mulej,
idum biex jagħdab
u kollu tjieba.
Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,
tjubitu fuq kull
ma għamel.
RIT
.
Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej,
u inti tagħtihom
l-ikel f’waqtu.
Int tiftaħ idek,
u xxabba’ ’l kulħadd bil-ġid.
RIT
.
Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu
li għamel.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.
RIT
.
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu lir-Rumani
Rum 8, 35.37-39
Ħuti, min se jifridna
mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq,
il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? Imma f’dan
kollu aħna aktar minn rebbieħa
bis-saħħa ta’ dak
li ħabbna. Għax
jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la
ż-żmien
t’issa u la ta’ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa
oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu
Ġesù Sidna.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Il-bniedem
mhux bil-ħobż biss jgħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju
skont San Mattew
Mt
14, 13-21
F’dak iż-żmien, meta sama’ l-aħbar tal-mewt ta’ Ġwanni
l-Battista,
Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab.
Imma n-nies semgħu
fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet.
Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u
fejqilhom il-morda tagħhom.
Xħin sar
filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan
post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa
jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu. Imma Ġesù qalilhom: “Ma
għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu. U huma
qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ
ħutiet.
”Ġibuhomli
hawn, qalilhom. Imbagħad ordna lin-nies biex
joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix; ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ
ħutiet, rafa’ għajnejh
lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet
u tahom
lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies.
U kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li
kien fadal u mlew bihom
tnax-il qoffa. U kienu madwar ħamest
elef raġel dawk li kielu,
barra n-nisa u t-tfal.
Il-Kelma tal-Mulej.