L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann
Appostlu
Apok 7:2-4,9-14
Jiena, Ġwanni, rajt Anġlu ieħor tiela’ bis-siġill ta’ Alla l-ħaj min-naħa tal-Lvant, u b’leħen għoli għajjat lill-erba’ Anġli li lilhom kienet ingħatat is-setgħa li jagħmlu l-ħsara lill-art u lill-baħar, u qalilhom: “Tagħmlulhomx ħsara lill-art u lill-baħar, anqas lis-siġar, qabel ma nkunu stampajna s-siġill fuq il-ġbin tal-qaddejja ta’ Alla tagħna”. Imbagħad smajt x’kien il-għadd tal-issiġillati: mija u erbgħa u erbgħin elf issiġillat minn kull tribù ta’ wlied Israel.
Wara dan, ħarist, u ara, kien hemm kotra
kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens
u tribù, minn kull poplu u lsien,
weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod,
u bil-friegħi tal-palm
f’idejhom. U għollew leħinhom u bdew jgħidu: “Is-salvazzjoni nafuha lil Alla
tagħna li qiegħed
fuq it-tron, u lill-Ħaruf”.
L-Anġli
kollha kienu qegħdin madwar it-tron u madwar ix-Xjuħ u l-erba’ Ħlejjaq Ħajjin, u waqgħu wiċċhom fl-art quddiem it-tron jagħtu qima lil Alla
u jgħidu: “Ammen. It-tifħir u l-glorja, il-għerf, ir-radd ta’ ħajr u l-ġieħ, il-qawwa u s-saħħa lil Alla tagħna,
għal dejjem ta’ dejjem! Ammen”.
Imbagħad wieħed mix-Xjuħ qabad u staqsieni: “Dawn li għandhom l-ilbiesi twal bojod fuqhom
min huma, u minn fejn ġejjin?”. “Inti taf, sinjur,” għidtlu
jien. Imbagħad qalli: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf”.
Il-Kelma
tal-Mulej
Salm 23
(24), 1-2.3-4ab.5-6
RIT: Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxu wiċċek, Mulej.
Tal-Mulej
hi l-art u kulma fiha,
id-dinja
u kulma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha,
u fuq
ix-xmajjar wettaqha.
RIT.
Min jista’
jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej,
min joqgħod
fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu
jdejh indaf u qalbu safja,
min ma tax ruħu għall-frugħa.
RIT.
Dan ikollu
barka mingħand il-Mulej,
u l-ħlas
li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel
ta’ dawk li jfittxuh;
li jfittxu
’l wiċċek, Alla
ta’ Ġakobb.
RIT.
IT-TIENI QARI
1 Ġw
3:1-3
Għeżież: Araw b’liema mħabba
ħabbna l-Missier: nistgħu nissejħu wlied Alla, u tassew
aħna. Għalhekk
id-dinja ma tagħrafniex,
għax ma għarfitx lilu.
Għeżież, issa nafu li aħna
wlied Alla, imma x’sa nkunu
’l quddiem mhux muri lilna.
Madankollu nafu li, meta hu jidher, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu. Kull min għandu din it-tama fih, isir safi
bħalma safi huwa Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,
u jiena
nserraħkom, jgħid
il-Mulej.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Mt 5:1-12a
F’dak iż-żmien: Ġesù kif
ra l-folol, tela’ fuq il-muntanja,
u wara li qagħad bilqiegħda, resqu lejh id-dixxipli tiegħu.
U hu fetaħ
fommu u qabad ikellimhom u jgħid: “Henjin il-fqar fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-Smewwiet. Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa. Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom l-art bħala wirt. Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax
huma jkunu mxebbgħa. Henjin dawk li jħennu, għax huma jisbu ħniena. Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla. Henjin dawk
li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla. Henjin
dawk li huma ppersegwitati minħabba fil-ġustizzja,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet.
Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom
u jgħidu kull deni fuqkom bil-gideb
minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet”.
Il-Kelma tal-Mulej.