L-EWWEL QARI
Qari mill-Ewwel Ktieb
ta’ Samwel
1 Sam
1, 20-22.24-28
F’dak iż-żmien Anna tqalet,
u meta wasal żmienha wildet iben u semmietu
Samwel “għaliex - kif qalet hi - tlabtu lill-Mulej.” Elkana bil-familja kollha tala’ joffri s-sagrifiċċju ta’ kull
sena lill-Mulej u jtemm il-wegħda tiegħu. Imma Anna ma telgħetx, għaliex qalet lil żewġha: “Meta
nkun ftamt it-tifel, imbagħad nieħdu biex jidher quddiem il-Mulej, u jibqa’ hemm għal dejjem.”
U meta fatmitu, Anna tellgħet ‘il binha magħha fid-dar tal-Mulej f’Silo. Ħadet magħha gendus ta’ tliet snin, efa dqiq
u żaqq inbid, u marret bit-tfajjel magħha. Hemm qatlu l-gendus, u ressqu t-tifel quddiem Għeli, u qaltlu: “Nitolbok, sidi; daqskemm int ħaj, sidi, jien dik il-mara li kienet wieqfa hawn
ħdejk titlob lill-Mulej. Għal dan it-tifel kont
tlabt, u l-Mulej laqa’ t-talba tiegħi,
u tani li tlabtu. U issa jien se nagħtih lill-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajtu, u kemm idum ħaj ikun tal-Mulej.” U qiemu lill-Mulej hemmhekk.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI
Salm 83
RIT: Henjin dawk li jgħammru f’darek, Mulej
Kemm hi għażiża
d-dar tiegħek, Mulej tal-eżerċti!
Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej;
ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj.
Rit...
Henjin dawk
li jgħammru f’darek;
huma jfaħħruk għal dejjem.
Henjin dawk
li jsibu fik il-qawwa tagħhom,
li għandhom għal
qalbhom il-pellegrinaġġ
għat-tempju.
Rit...
Mulej, Alla
tal-eżerċti, isma’
talbi;
agħti widen,
Alla ta’ Ġakobb.
Ħares, o Alla, lejn it-tarka
tagħna,
ħares lejn is-sultan, il-midluk tiegħek.
Rit...
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ewwel Ittra
ta’ San Ġwann Appostlu
1 Ġw 3, 1-2, 21-24
Għeżież, araw b’liema għożża
ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk
aħna tassew! Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex, għax ma għarfitx lilu.
Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma
x’se nkunu ’l quddiem mhuwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu.
Għeżież, jekk il-kuxjenza tagħna ma ċċanfarniex,
aħna qalbna qawwija quddiem Alla, u kulma nitolbu
naqilgħuh mingħandu,
għax qegħdin inżommu l-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li
jogħġob lilu.
Dan hu l-kmandament tiegħu: li nemmnu fl-isem ta’ Ibnu Ġesù Kristu, u nħobbu
’l xulxin, kif wissiena hu.
Min iżomm il-kmandamenti tiegħu jgħammar f’Alla u Alla fih. B’hekk
nagħrfu li hu jgħammar
fina: bl-Ispirtu li hu
tana.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Mulej iftħilna
qalbna
biex nifhmu
dak li jgħid Ibnek.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Lq 2, 41-52
Ta’ kull sena l-ġenituri
ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. 42Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skont id-drawwa
ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma
t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu.
Huma ħasbuh qiegħed
ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom;
iżda meta wara jum mixi fittxewh
fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom,
ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.
Wara tlitt
ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu.
Kif rawh, instamtu,
u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma.” U hu qalilhom:
“U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” Iżda kliemu ma fehmuhx.
Imbagħad niżel
magħhom u raġa’
mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ
kollha. U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.
Il-Kelma tal-Mulej.