L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Ġen 2, 7-9; 3, 1-7

Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab ta’ l-art u nefaħlu

fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja.

U l-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Għeden, in-naħa tal-Lvant, u

qiegħed hemm il-bniedem li kien sawwar. U l-Mulej Alla nibbet

mill-art is-siġar kollha li jpaxxu l-għajn u bnina għall-ikel; u s-siġra

tal-ħajja f’nofs il-ġnien u s-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin.

Is-serp kien l-aktar wieħed li jilħaqlu fost l-annimali selvaġġi kollha,

li kien għamel il-Mulej Alla. U qal lill-mara: “Tassew li Alla qalilkom:

“La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien?” U l-mara wieġbet

lis-serp: “Mill-frott tas-siġar fil-ġnien nistgħu nieklu. Imma

mill-frott li hemm f’nofs il-ġnien, Alla qalilna: “La tiklux minnu,

u lanqas ma għandkom tmissuh, inkella tmutu.” U s-serp qal

lill-mara: “Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dak in-nhar li tieklu

minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.

U l-mara rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn,

u s-siġra tħajrek biex tikseb id-dehen; u ħadet mill-frott u kielet.

Imbagħad tat ukoll lil żewġha, li kien magħha, u kiel. U nfetħu

għajnejhom it-tnejn u ntebħu li kienu għerja, u ħietu weraq tat-tin,

u għamlu iħżma.

Il-Kelma tal-Mulej.


SALM RESPONSORJALI                     

Salm 50

RIT: Ħenn għalina Mulej, għaliex dnibna

 

Ikollok ħniena minni, O Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi.

RIT…

 

Għax jien nagħrafhom ħtijieti;

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt,

u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt.

RIT…

 

Oħloq fija qalb safja, O Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

RIT…

 

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

Iftaħli xufftejja, Sidi,

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

RIT…


IT-TIENI QARI

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Rum 5, 12-19

Ħuti, kien permezz ta’ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u

permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha,

għax kollha dinbu.

Kienet għada ma waslitx il-Liġi, id-dnub kien ġa fid-dinja: imma

d-dnub ma kienx magħdud, ladarba Liġi ma kienx hemm.

Madankollu l-mewt saltnet ukoll minn Adam sa Mosè, imqar fuq

dawk li ma waqgħux fid-dnub li fih kien waqa’ Adam,

li kien xbieha ta’ dak li kellu jiġi.

Imma d-don m’huwiex bħall-ħtija. Għax jekk permezz ta’ ħtija

waħda mietet il-kotra, aktar u aktar issa l-grazzja ta’ Alla u d-don

mogħti bil-grazzja ta’ bniedem wieħed li hu Ġesù Kristu, xterdu

bil-bosta fuq il-kotra. U d-don anqas ma hu bħall-frott ta’ dak

il-wieħed li dineb; għax tassew, il-ġudizzju mogħti fuq dnub wieħed,

wassal sal-kundanna, iżda d-don mogħti wara ħafna dnubiet iwassal

għall-ġustifikazzjoni. Għax jekk minħabba fil-ħtija ta’ wieħed

waħdu saltnet il-mewt permezz ta’ dak il-wieħed, aktar u aktar

dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja għad isaltnu

fil-ħajja permezz ta’ wieħed li hu Ġesù Kristu.

Mela kif bil-ħtija ta’ wieħed waħdu waslet il-kundanna fuq

il-bnedmin kollha, hekk ukoll bl-opra tal-ġustizzja ta’ wieħed waslet

lill-bnedmin kollha l-ġustifikazzjoni tal-ħajja. Għax kif

bid-diżubbidjenza ta’ bniedem wieħed il-ħafna saru midinbin,

hekk ukoll bl-ubbidjenza ta’ wieħed il-ħafna jsiru ġusti.

Il-Kelma tal-Mulej.


VERSETT
Glorja u tifħir lilek, Kristu

Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,

iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.

Glorja u tifħir lilek, Kristu


L-EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Mt 4,1-11

F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-xitan iġarrbu.

U Ġesù baqasajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu

l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan

il-ġebel isir ħobż. Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub: “Il-bniedem

mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm

Alla.”

Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq

il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel;

għax hemm miktub li: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek,

u li fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla.”

Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll: “Iġġarrabx lill-Mulej, Alla

tiegħek.”

Għal darb’oħra x-xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna,

urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn

kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani. Imbagħad qallu

Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub: “Lill-Mulej, Alla tiegħek,

għandek tadura, u lilu biss taqdi.”

Imbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.

 

Il-Kelma tal-Mulej.