L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Is 22, 19-23
Dan jgħid il-Mulej lil Sebna,
dak li jieħu ħsieb il-palazz tas-sultan:
”Inwarrbek minn postok,
u nneħħik minn fejn qiegħed.
Dakinhar insejjaħ lill-qaddej tiegħi
Eljakim, bin Ħilkija,
inlibbsu l-libsa tiegħek,
u nħażżmu bit-terħa tiegħek,
u nagħtih f’idejh il-ħakma tiegħek.
U jkun missier
għal min jgħammar
f’Ġerusalemm,
u għad-dar ta’ Ġuda.
Inqiegħed muftieħ
dar David fuq spallejh.
Jiftaħ hu, u ħadd
ma jagħlaq;
jagħlaq hu, u ħadd
ma jiftaħ.
U nwaħħlu bħal musmar ma’ ħajt fis-sod,
u jkun tron
glorjuż għal dar missieru.
Il-Kelma tal-Mulej.
Salm 137
RIT: It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal
dejjem
Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,
għaliex int smajt
kliem fommi.
Quddiem l-allat
irrid ngħannilek.
B’wiċċi fl-art ninxteħet
quddiem is-santwarju tiegħek.
RIT.
Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,
għax int kabbart
ismek u kelmtek fuq kollox.
Meta sejjaħtlek, int weġibtni,
kattartli l-qawwa f’ruħi.
RIT.
Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar;
u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.
Il-Mulej
iżomm kelmtu miegħi.
It-tjieba
tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem.
RIT.
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl
Appostlu lir-Rumani
Rum 11, 33-36
Ħuti, kemm huma
kbar l-għana, l-għerf u l-għaqal ta’ Alla! Kemm
tassew ħadd ma jista’ jgħarbel il-ġudizzju tiegħu u jifhem it-triqat
tiegħu!
Għax min qatt
għaraf moħħ il-Mulej?
Min qatt
kien il-kunsillier tiegħu?
Min qatt
tah l-ewwel biex jistħoqqlu l-ħlas?
Kollox ġej
minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih.
Lilu l-glorja
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen!
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja
tiegħi,
u s-setgħat ta’ l-infern ma jegħlbuhiex.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
Mt 16, 13-20
F’dak iż-żmien, meta wasal fl-inħawi
ta’ Ċesarija ta’ Filippu,
Ġesù
staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin
il-bniedem? U huma weġbuh:
“Xi wħud, Ġwanni
l-Battista;
oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti.
”Imma intom min tgħidu li jien?
staqsiehom. U qabeż Xmun
Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj. U Ġesù wieġbu u
qallu: “Hieni int,
Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm
u l-laħam uriek dan, imma
Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena
ngħidlek: Inti Pietru,
u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja
tiegħi,
u s-setgħat ta’ l-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ
tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut
fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.
Imbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma’ ħadd
fuq li huwa l-Messija.
Il-Kelma tal-Mulej.