L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Ġer 20, 7-9

 

Qarraqtni Mulej, u jien tqarraqt:

kont aqwa minni, u għelibtni.

Jien sirt id-daħka ta’ kuljum,

kulħadd jiddieħak bija.

Kull meta niġi nitkellem, jien ngħajjat,

u nxandar, “Moħqrija u ħsara!

Il-kelma tal-Mulej saret għalija

tagħjir u tmaqdir kuljum.

U jien għedt: “Ma nsemmihx aktar,

ma nitkellimx aktar f’ismu.

Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad,

magħluq f’għadmi.

Għejejt inżommu magħluq ġo fija,

ma niflaħx aktar għalih.

Il-Kelma tal-Mulej.


SALM RESPONSORJALI                     

Salm 62

RIT: Għalik imxennaq jiena, Mulej, Alla tiegħi

Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.

Ruħi bil-għatx għalik,

għalik imxennaq jiena,

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

RIT.

 

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

RIT.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;

ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa.

RIT.

 

Għax int kont għajnuna għalija,

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi,

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

RIT.


IT-TIENI QARI

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Rum 12, 1-2

Nitlobkom ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju

ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom.

Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta’

fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu ttajjeb

li jogħġbu, x’inhu perfett.

 

Il-Kelma tal-Mulej.



VERSETT
Hallelujah.
Halleluljah.
Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu,

jagħtikom spirtu ta’ għerf,

biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.

Hallelujah.

L-EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

Mt 16, 21-27

F’dak iż-żmien, Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ

għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar

u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.

Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma

jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik! Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru:

Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-

ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!

Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja,

għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfasalibu, u jimxi warajja. Għax min

irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi,

isibha. Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha

u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva

ħajtu? Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru

flimkien ma’ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond

ma wieħed ikun għamel.

 

Il-Kelma tal-Mulej.