L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Is 25,
6-10a
Jagħmel il-Mulej ta’ l-eżerċti
għall-popli kollha fuq
din il-muntanja,
mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa,
b’laħam imsemmen bil-mudullun, u nbejjed fini.
U jċarrat minn fuq
din il-muntanja
il-velu li kien jgħatti
wiċċ il-popli kollha,
għata li kien jaħbi
kollha kemm huma l-ġnus.
Jeqred il-mewt għal
dejjem,
jixxotta Sidi l-Mulej
id-dmugħ minn fuq kull wiċċ,
u jħassar l-għajb tal-poplu tiegħu minn wiċċ l-art kollha:
għax il-Mulej tkellem.
U dakinhar jgħidu: “Dan hu Alla tagħna:
fih ittamajna li jsalvana;
dan hu l-Mulej
li fih ittamajna:
nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu.
Għax id il-Mulej
tinżel fuq din il-muntanja.
Il-Kelma tal-Mulej.
Salm 22
RIT. Ngħammar f’dar il-Mulej sakemm indum ħaj!
Il-Mulej hu
r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura
jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn
nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni.
RIT.
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi
f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ
tiegħek,
huma jwennsuni.
RIT.
Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli.
RIT.
Miegħi, iva,
jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj!
RIT.
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl
Appostlu lill-Filippin
Fil 4, 12-14.19-20
Ħuti, naf ngħix
fl-għaks; u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt u noqgħod
għal kollox: ix-xaba’ u l-ġuħ, il-ġid u l-għaks. Għal kollox niflaħ
bis-saħħa ta’ dak li jqawwini. Għamiltu sewwa ħafna meta qsamtu
miegħi tbatijieti.
Jimliekom Alla tiegħi
b’kull ġid fil-ħtieġa tagħkom,
skond l-għana
tal-glorja fi Kristu Ġesù. Lil dan Alla u Missierna, glorja għal dejjem
ta’ dejjem. Amen.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja,
jagħtikom spirtu ta’ għerf
biex
tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Mt 22,
1-14
F’dak iż-żmien, lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu Ġesù raġa’
qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom: ”Is-saltna tas-smewwiet
tixbah lil wieħed
sultan li għamel festa
għat-tieġ ta’ ibnu.
U bagħat
għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk
ma ridux jiġu.
U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom: “Għidu lill-mistednin: Ara,
il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġa’ maqtula
u kollox lest; ejjew għall-festa.” Iżda dawk ma tawx kas; min mar
l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja
tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna,
u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk
il-qattiela, u ħarqilhom
il-belt tagħhom.
Imbagħad qal lill-qaddejja
tiegħu: “Il-festa mħejjija, imma lil dawk
ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib
it-toroq u
sejħu għall-festa lil kull min issibu.”
Dawk il-qaddejja ħarġu
fit-triqat u ġabru lil kull min sabu,
ħżiena u tajba, u
s-sala mtliet
bin-nies għall-mejda. Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien
hemm fuq il-mejda,
u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes
għall-festa tat-tieġ; u qallu: “Ħabib, dan kif dħalt
hawn m’intix
liebes għall-festa?” Dak tbikkem. Imbagħad
is-sultan qal lil dawk
li kienu qegħdin
iservu: “Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ’il barra
fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki
u t-tgħażżiż tas-snien!”
Għax ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin!
Il-Kelma tal-Mulej.