L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Is 45, 1. 4-6

Dan jgħid il-Mulej dwar il-midluk tiegħu, dwar Ċiru:

“Lilu qbadt minn idu l-leminija

biex inrażżan il-ġnus quddiemu

u nħoll il-ħżiem ta’ ġenbejn is-slaten;

niftaħ il-bibien quddiemu

u ebda bieb ma jibqa’ magħluq.

Minħabba Ġakobb, il-qaddej tiegħi,

u Iżrael, il-maħtur tiegħi,

jien sejjaħtlek b’ismek.

Tajtek isem ta’ ġieħ għad li lanqas tafni.

Jien il-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi,

m’hemmx Alla ieħor għajri.

Jien ħażżimtek għad li lanqas tafni,

biex mnejn titla’ x-xemx safejn tinżel,

il-bnedmin jagħrfu li m‘hemm ħadd ħliefi.

Jiena l-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi.

 

Il-Kelma tal-Mulej.


SALM RESPONSORJALI                     

Salm 95

RIT. Agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa

Għannu lill-Mulej għanja ġdida;

għannu lill-Mulej fl-art kollha!

Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,

fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu.

RIT.

 

Għax kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru ħafna,

tal-biża’ aktar mill-allat kollha.

Għax kollha frugħa l-allat tal-popli;

Jaħweh hu li għamel is-smewwiet!

RIT.

 

Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,

agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;

agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu!

Ġibulu l-offerti, u idħlu fil-btieħi tat-tempju tiegħu.

RIT.

 

Inxteħtu quddiem il-Mulej b’tiżjin qaddis,

triegħdu quddiemu, nies kollha ta’ l-art!

Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!

Hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa.

RIT.


IT-TIENI QARI

Bidu ta’ l-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

1 Tess 1, 1-5b

Pawlu u Silvanu u Timotju lill-knisja ta’ Tessalonika f’Alla l-Missier

u l-Mulej Ġesù Kristu: grazzja lilkom u sliem.

Aħna kull ħin niżżu ħajr lil Alla minħabba fikom ilkoll, u niftakru

fikom dejjem meta nitolbu. Niftakru fil-ħidma li hi ġejja mill-fidi

tagħkom u fit-taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom; niftakru fil-qawwa

tat-tama tagħkom f’Sidna Ġesù Kristu quddiem Alla Missierna.

Aħna nafu, ħuti, li Alla jħobbkom u għażilkom. Għax l-Evanġelju

tagħna lilkom ma kienx biss bil-kliem, imma wkoll bil-qawwa,

bl-Ispirtu s-Santu u b’persważjoni sħiħa.

Il-Kelma tal-Mulej.



VERSETT
Hallelujah.
Halleluljah.
Intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb,
u żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja.

Hallelujah.

L-EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Mt 22, 15-21

F’dak iż-żmien, il-Fariżej marru u bdew jiftiehmu bejniethom biex

jaraw kif jonsbuh b’xi kelma.

U bagħtulu d-dixxipli tagħhom ma’ xi Erodjani u qalulu:

“Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla

tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int

lejn wiċċ ħadd ma tħares. Għidilna ħaġa, mela: Int x’jidhirlek?

Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?

Imma Ġesù għaraf il-ħażen ta’ moħħhom, u qalilhom: “Għaliex

tridu ġġarrbuni, ja wċuħ b’oħra? Uruni l-munita tax-taxxa. Urewh

dinar, u Ġesù staqsiehom: “Ta’ min huma dan il-wiċċ u din

il-kitba? Qalulu: “Ta’ Ċesari!

Imbagħad qalilhom: “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil

Alla dak li hu ta’ Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej.