L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Is 40, 1-5.9-11

 

”Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi – jgħid Alla tagħkom.

Kellmu lil qalb Ġerusalemm u għidulha li ntemm il-jasar tagħha,

tħallset ħżunitha, ħadet mingħand il-Mulej darbtejn għal dnubietha kollha.”

 

Leħen jgħajjat:

“Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert, wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.

Jintradam kull wied, u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet;

kull art imħattba titwitta, kull art imħarbta ssir maqgħad.

U tfiġġ il-glorja tal-Mulej, u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa, għax fomm il-Mulej tkellem.”

 

Itla’ fuq il-muntanja għolja, int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon;

għolli leħnek bil-qawwa kollha, int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm;

għajjat, la tibżax.

 

Għid lill-ibliet ta’ Ġuda: “Hawn hu Alla tagħkom!

Hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa, u jaħkem bil-qawwa ta’ driegħu.

Hawn hu bi ħlasu miegħu, u r-rebħa tiegħu quddiemu.

Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu; bi driegħu jiġmagħha,

u l-ħrief fi ħdanu  jerfagħhom; u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom.”

 

Il-Kelma tal-Mulej.


SALM RESPONSORJALI                     

Salm 84

 

RIT: Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek, u s-salvazzjoni tiegħek agħtina

 

Ħa nisma’ xi jgħid Alla; il-Mulej is-sliem ixandar, għall-poplu u l-ħbieb tiegħu.

Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu għal dawk li jibżgħu minnu, biex jgħammar is-sebħ f’artna.       

Rit…

 

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu, il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.

Il-fedeltà mill-art tinbet, u l-ġustizzja mis-sema tixref.    

Rit…

 

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu, u artna tagħti l-frott tagħha.

Il-ġustizzja quddiemu timxi, u s-sliem fuq il-passi tiegħu.

Rit…

 

 

IT-TIENI QARI

Qari mit-Tieni  Ittra ta’ San Pietru Appostlu

2 Piet 3, 8-14

 

Ħuti għeżież, dan għandkom tkunu tafu: li quddiem il-Mulej jum wieħed hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed. Mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd  jintilef, imma, li kulħadd jersaq għall-indiema.

 

Jasal, tabilħaqq, Jum il-Mulej bħal ħalliel; jintemmu mbagħad is-smewwiet bi ħsejjes kbar, jinħallu bin-nar l-elementi tad-dinja, u l-art b’kull ma fiha tkun maħruqa min-nar.

 

Ladarba hekk kollox għandu jintemm, araw daqsxejn kif għandkom iġġibu ruħkom, kemm għandha  tkun qaddisa u tajba ħajjitkom, waqt li tistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum ta’ Alla. Hu minħabba f’dan il-Jum li s-smewwiet jinħarqu u jinħallu, u l-elementi tad-dinja jinqerdu bin-nar. Imma aħna, skont il-wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.  Għalhekk, ħuti għeżież, waqt li nistennew dan kollu, qisu li jsibkom fis-sliem, bla tebgħa u bla dnub.

 

Il-Kelma tal-Mulej.


VERSETT
Hallelujah.
Halleluljah.
Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu:

u l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.

Hallelujah.

L-EVANĠELJU

Bidu tal-Evanġelju skont San Mark

Mk 1,1-8

 

Il-bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla.

 

Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta: “Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.”

Hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.

 

 

Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ.

U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu.

Jien għammidtkom  bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu.”

 

 

Il-Kelma tal-Mulej.