L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli

Atti 2, 42-47

F’dak iż-żmien, id-dixxipli kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim ta’

l-appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb.

Waqa’ mbagħad il-biża’ fuq kulħadd għax ħafna kienu l-mirakli u

s-sinjali li kienu jsiru permezz ta’ l-appostli.

Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu

kollox bejniethom, ibigħu ġidhom u kull ma kellhom u jqassmu

d-dħul bejn kulħadd, skond il-ħtieġa ta’ kull wieħed.

U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi

djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja; u kienu jfaħħru

lil Alla, u l-poplu kollu kien iġibhom.

U minn jum għal ieħor il-Mulej kien iżidilhom magħhom lil dawk li

jkunu salvi.

Il-Kelma tal-Mulej.


SALM RESPONSORJALI                     

Salm 117

RIT: Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu

 

 

Ħa jgħidu wlied Iżrael:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ħa tgħid dar Aron:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu.

RIT…

 

B’saħħithom kollha imbuttawni biex naqa’;

imma l-Mulej tani l-għajnuna.

Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej;

hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Għajat ta’ ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin:

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!

RIT…

 

Il-ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:

ħaġa ta’ l-għaġeb f’għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih!

RIT…


IT-TIENI QARI

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

1 Piet 1, 3-9

Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena kbira

tiegħu raġa’ wilidna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu

mill-imwiet u għal wirt li la jitħassar, la jittabba’, u lanqas jinxef.

Dan il-wirt hu merfugħ għalikom fis-sema għax intom tinsabu

taħt il-ħarsien tal-qawwa ta’ Alla fil-fidi tagħkom li twassal

għas-salvazzjoni li lesta biex tidher fl-aħħar taż-żminijiet.

Għalhekk għandkom għax tifirħu mqar jekk issa, għal ftit żmien

ieħor, jeħtiġilkom titnikktu taħt ħafna provi. Bħalma d-deheb,

li jintemm, jgħaddi mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi mill-prova

l-fidi tagħkom, li tiswa aktar mid-deheb, biex ikun jistħoqqilha tasal

għat-tifħir, għall-glorja, u għall-ġieħ, meta jidher Ġesù Kristu. Lilu,

għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh; fih, għad li issa m’intomx

tarawh, intom temmnu; fih intom tifirħu b’ferħ glorjuż, li ma jistax

jitfisser, waqt li tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom, li hu s-salvazzjoni

tagħkom.

 

 

Il-Kelma tal-Mulej.


VERSETT
Hallelujah. Hallelujah

Tumas, emmint għax rajtni, jgħid il-Mulej;

henjin dawk li ma rawx u emmnu.

Hallelujah


L-EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Ġw 20, 19-31

Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli

kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù

u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom! Kif qal

hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej.

Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier

bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u

qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom

ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.

Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom

meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna

lill-Mulej. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka ta’

l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka ta’ l-imsiemer u idi

fuq ġenbu, jien ma nemminx. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu

kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma

Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!

Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq

idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.

Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi! Qallu Ġesù:

“Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.

Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu

u li m’humiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex

intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex

bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.