L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb ta’ l-Eżodu
Eż 22, 20-26
Dan jgħid il-Mulej:
”La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll kontu
barranin fl-art ta’ l-Eġittu.
La taħqrux l-armla jew
l-iltim, għax jekk taħqruhom, u huma
jsejħuli, jien żgur
nismagħha l-għajta
tagħhom; u l-qilla tiegħi
tixgħel, neqridkom bix-xabla; u n-nisa tagħkom jormlu u wliedkom
jisfaw iltiema.
Jekk inti tislef
lil xi fqir mill-poplu tiegħi, iġġibx ruħek miegħu bħal
wieħed sellief, u teħodlux imgħax.
Jekk lil għajrek
teħodlu l-libsa tiegħu b’rahan, agħtihielu lura qabel
inżul ix-xemx; għax hu dik
biss għandu biex jitgħatta, dik biss
l-għata ta’ ġismu; inkella fiex tridu
jorqod? Għax jekk isejjaħli, jiena
nisimgħu, għax jien ħanin.
Il-Kelma tal-Mulej.
Salm 17
RIT: Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi
Inħobbok, Mulej, qawwa
tiegħi!
Il-Mulej blata
tiegħi,
fortizza u ħellies tiegħi.
RIT.
Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi
u tarka tiegħi,
qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!
Insejjaħ lill-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,
u nkun meħlus
mill-għedewwa tiegħi.
RIT.
Ħaj il-Mulej! Imbierek hu, il-blata
tiegħi!
Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!
Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu,
juri mħabbtu mal-midluk tiegħu.
RIT.
IT-TIENI QARI
1 Tess 1,
5c-10
Ħuti, intom tafu
kif ġibna ruħna meta konna fostkom għall-ġid
tagħkom.
Intom sirtu tixbhu
lilna u l-Mulej, billi lqajtu l-kelma fost ħafna
taħbit bil-ferħ ta’ l-Ispirtu s-Santu. Hekk intom sirtu
mudell għal
dawk kollha li emmnu fil-Maċedonja u l-Akaja. Mhux biss
il-kelma
tal-Mulej ħarġet minn għandkom u xterdet fil-Maċedonja u l-Akaja,
imma l-fidi li għandkom f’Alla xterdet ma’ kullimkien b’mod li aħna
ma għandna għalfejn ngħidu xejn.
Huma stess jgħidu
x’laqgħa kellna għandkom, u kif dortu lejn Alla
u
tlaqtu l-idoli biex
taqdu lil Alla ħaj u veru u tistennew ġej mis-sema
lil Ibnu, li hu qajjem mill-imwiet, Ġesù li ħelisna mill-korla li ġejja.Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Jekk xi ħadd
iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej
u Missieri
jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Mt 22,
34-40
F’dak iż-żmien, il-Fariżej, meta semgħu kif lis-Sadduċej kien
saddilhom ħalqhom, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref
fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: ”Mgħallem,
liema
hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi? Qallu Ġesù: ““Ħobb lill-Mulej,
Alla tiegħek,
b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.”
Dan hu
l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbhu:
“Ħobb
lil għajrek bħalek innifsek.” Dawn iż-żewġ
kmandamenti
huma l-qofol tal-Liġi
kollha u tal-Profeti.
Il-Kelma tal-Mulej.