L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija.
Mal 3, 19-20a
Ara, jiġi
l-Jum, jaqbad qisu forn, u l-kburin kollha u dawk kollha li jagħmlu l-ħażen ikunu tiben, u l-jum li ġej għad jaħraqhom, jgħid il-Mulej tal-eżerċti:
hekk li ma jħallilhom
la għerq u lanqas fergħa.
Imma għalikom li tibżgħu
minn ismi titla’ x-xemx tal-ġustizzja,
bis-salvazzjoni fuq ġwenħajha.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 97
RIT: Il-Mulej jagħmel ħaqq mill-popli
Għannu lill-Mulej biċ-ċetra,
biċ-ċetra u bil-ħlewwa tal-għana,
bit-trombi u
bid-daqq tat-trumbetti;
għajtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan!
Rit…
Ħa jriegħed il-baħar u kulma fih, id-dinja
u kulma jgħammar fiha.
Ħa jċapċpu x-xmajjar idejhom,
u l-muntanji
flimkien jgħajtu bil-ferħ
quddiem il-Mulej.
Rit…
Għax il-Mulej ġej
biex jagħmel ħaqq mill-art;
hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja, u mill-popli bis-sewwa.
Rit…
IT-TIENI QARI
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lit-Tessalonkin
2 Tess 3, 7-12
Ħuti, intom stess
tafu kif jeħtieġ li timxu fuq l-eżempju tagħna. Aħna ma tgħażżinniex meta konna fostkom; il-ħobż li kilna, ħadd ma tahulna b’xejn; imma lejl
u nhar ħdimna u tħabatna u batejna biex ma nkunu ta’ piż għal ħadd minnkom.
Imxejna hekk mhux għax ma għandniex dritt li żżommuna intom, imma ridna
nagħtukom eżempju
biex timxu fuqu. Meta konna
fostkom aħna ordnajnielkom li jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol.
Issa aħna smajna
li hemm xi wħud fostkom li qegħdin jitgħażżnu; mhumiex
jaħdmu, imma qed jinħlew fix-xejn. Lil dawn
in-nies nordnawlhom u nwissuhom, f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, biex jaħdmu
sewwa u għajxienhom jaqilgħuh.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Qawwu qalbkom u erfgħu raskom,
għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju
ta’ San Luqa
Lq 21, 5-19
F’dak iż-żmien, kien
hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien
imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom:
”Kulma qegħdin
taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu
li ma tiġġarrafx.”
U huma staqsewh
u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad
jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?”
Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: “Jien hu,” u: “Iż-żmien
wasal.” Tmorrux warajhom! Meta tisimgħu
min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih.”
Imbagħad qalilhom: “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna,
l-art titheżżeż bil-kbir,
f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ
u mard li jittieħed, u
fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’
u sinjali tal-għaġeb.
Imma qabel
dan kollu jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs,
u jeħdukom
quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun
jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel
kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’
jiqaflu jew imerih.
U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma
xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu
sħaħ sal-aħħar
issalvaw ħajjitkom!”
Il-Kelma tal-Mulej.