L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
Eżek 34, 11-12.15-17
Dan jgħid Sidi l-Mulej: Arawni,
hekk jien se nfittex in-nagħaġ tiegħi
u nieħu ħsiebhom. Bħalma r-ragħaj jaħseb fil-merħla tiegħu meta
jsib ruħu f’nofs in-nagħaġ imxerrda tiegħu, hekk naħseb jien
fin-nagħaġ tiegħi, u nsalvahom minn kull fejn xterdu
fi żmien is-sħab
u s-swied ta’ l-ajru.
Jiena stess nirgħa n-nagħaġ tiegħi, u jiena nserraħhom.
Oraklu ta’
Sidi l-Mulej. Jiena nfittex
il-mitlufa, irreġġa’
lura l-imxerrda,
ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġrugħa, u nqawwi
l-marida. Inħares is-smina
u l-qawwija, u nirgħahom bil-ġustizzja.
Imma għalik, merħla tiegħi, hekk jgħid Sidi l-Mulej: Ara,
jiena
nagħmel
ħaqq bejn nagħġa u nagħġa,
bejn imtaten u bdabad.
Il-Kelma tal-Mulej.
Salm 22
RIT: Il-Mulej hu r-ragħaj
tiegħi, xejn ma jonqosni
Il-Mulej hu
r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura
jqegħedni.
RIT.
Ħdejn l-ilma, fejn
nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni.
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
RIT.
Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli.
RIT.
Miegħi, iva,
jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj!
RIT.
IT-TIENI QARI
1 Kor 15, 20-26.28
Ħuti, Kristu kien
imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost
dawk li raqdu. Għaliex, jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt,
bi bniedem ukoll
iseħħ il-qawmien
mill-imwiet. Għax bħalma
l-bnedmin kollha jmutu
f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.
Imma kulħadd skond kif imissu;
jibda l-ewwel frott li hu Kristu;
wara, dawk li huma ta’ Kristu, f’jum il-miġja tiegħu. Imbagħad
it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li
jkun qered kull
ħakma u kull setgħa u kull qawwa. Għax jeħtieġ
li hu jsaltan
sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh.
L-aħħar
għadu li jinqered tkun il-Mewt.
U meta kollox
ikun imqiegħed taħtu, imbagħad l-Iben stess
jitqiegħed taħt Dak li jkun qegħedlu
kollox taħtu, sabiex Alla jkun
kollox f’kollox.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Mbierek min ġej f’isem il-Mulej!
Mbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna!
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Mt 25,
31-46
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: ”Meta jiġi Bin
il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad
joqgħod fuq it-tron
glorjuż tiegħu. U
quddiemu jinġabru l-ġnus
kollha, u hu jifridhom
minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ
mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u
l-mogħoż fuq ix-xellug.
Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq
il-lemin tiegħu: “Ejjew,
imberkin minn Missieri,
ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet
għalikom sa mill-ħolqien
tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ
u
tmajtuni, kont bil-għatx
u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont
għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu
tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu
żżuruni.”
Imbagħad iweġbuh il-ġusti: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek,
jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri
u libbisniek? Meta rajniek marid
jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?”
U s-Sultan iweġibhom u jgħid: “Tassew, ngħidilkom, kull ma
għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”
Imbagħad jgħid ukoll lil dawk
ta’ fuq ix-xellug: “Morru minn
quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u
għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont
bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u
ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs
u ma ġejtux iżżuruni!”
Imbagħad huma wkoll
iweġbuh: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, jew
bil-għatx, jew barrani,
jew għeri, jew marid, jew
fil-ħabs, u aħna
ma
waqafniex miegħek?” Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom: “Tassew,
ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed
min dawk iż-żgħar,
anqas miegħi ma għamiltuh.”
U dawn imorru
fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem.
Il-Kelma tal-Mulej.