L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel
Dan 7, 13-14
Billejl deherli qiegħed nara bħal
iben ta’ bniedem,
ġej mis-sħab tas-sema, li baqa’
sejjer sax-Xiħ fl-għomor u ressquh quddiemu.
U tawh ħakma, ġieħ, u
saltna, biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien. Ħakmietu ħakma
għal dejjem li ma tgħaddix, u saltnatu li ma tinqeridx.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI
Salm 92
RIT: Il-Mulej isaltan;
il-kobor libes
Il-Mulej isaltan; il-kobor libes,
libes il-Mulej u tħażżem
bil-qawwa.
Rit...
Iżomm sħiħa d-dinja; qatt ma
titħarrek.
Imwaqqaf it-tron tiegħek fis-sod minn
dejjem;
minn dejjem ta’ dejjem int.
Rit...
Il-kmandamenti tiegħek ta’ min joqgħod
fuqhom;
qdusija lil darek tixraq, Mulej, sakemm
itul iż-żmien.
Rit...
IT-TIENI QARI
Qari
mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann
Appostlu
Apok 1, 5-8
Lil Dak li ħabbna, u li ħallna
minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu, u li għamilna saltna,
qassisin għal Alla tiegħu Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa għal
dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Arawh, ġej fis-sħab, u l-għajnejn
kollha jarawh, ukoll dawk li kienu nifduh; u r-razez kollha tal-art jibdew iħabbtu
fuq sidirhom minħabba fih. Iva. Ammen!
Jiena huwa l-Alfa u l-Omega, jgħid
il-Mulej Alla, li hu, u li kien, u li għad irid jiġi, Dak li jista’
kollox!
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah.
Halleluljah.
Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Imbierka
s-Saltna ta’ David missierna li ġejja!
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Ġw 18, 33b-37
F’dak
iż-żmien, Pilatu sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti
s-sultan tal-Lhud?” Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int
minn moħħok, jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?” Pilatu wieġeb:
“Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk
f’idejja. X’għamilt?”
Ġesù
wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati
kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex
ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’
hawn.”
Pilatu qallu: “Mela int sultan?” U Ġesù
wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk
twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U
kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.”
Il-Kelma tal-Mulej.