L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Is 8. 23b - 9, 3

Alla bħalma qabel fl-imgħoddi kien mela bl-għajb

l-art ta’ Żebulun u l-art ta’ Naftali,

hekk issa fl-aħħar isebbaħ it-triq tal-baħar

l hemm mill-Ġordan, il-Galilija tal-ġnus.

Il-poplu li kien miexi fid-dlam

ra dawl kbir;

in-nies li joqogħdu f’art id-dlam

dawl idda fuqhom.

Int kattart il-ġens,

kabbart l-hena;

huma ferħu quddiemek,

bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad,

bħalma jifirħu fi qsim il-priża.

Għax il-madmad li kien itaqqlu,

u l-ħatar ta’ fuq spallejh,

u l-bastun ta’ l-argużin,

int kissirthom bħal f’jum Midjan.

Il-Kelma tal-Mulej.


SALM RESPONSORJALI                     

Salm 26

RIT:  Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;

minn min għandi nibża’?

Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;

quddiem min għandi nitwerwer?

RIT .

 

Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,

ħaġa waħda nfittex:

li ngħammar f’dar il-Mulej

tul il-jiem kollha ta’ ħajti;

biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej

jien u nħares lejn it-tempju tiegħu.

RIT .

 

Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin.

Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;

ittama fil-Mulej.

RIT .


IT-TIENI QARI

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

1 Kor 1, 10-13.17

Nitlobkom, ħuti, f’isem Sidna Ġesù Kristu, biex tkunu taqblu fi

kliemkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom. Kunu magħqudin kif

imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda.

Ħuti, in-nies ta’ Kloji qaluli fuqkom li fostkom hemm it-tilwim:

irrid ngħid jien, li kull wieħed minnkom qiegħed jgħid: “Jiena ta’

Pawlu, “U jiena ta’ Apollo, “U jiena ta’ Kefa, “U jiena ta’ Kristu.

Jaqaw Kristu mifrud? Forsi Pawlu kien li ssallab għalikom jew

f’isem Pawlu tgħammidtu?

Kristu ma bagħatnix biex ngħammed iżda biex inxandar

l-Evanġelju, mhux bi kliem l-għerf sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’

Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.


VERSETT
Hallelujah.
Halleluljah.
Ġesù xandar l-Evanġelju tas-Saltna,

u fejjaq kull xorta ta’ mard fost il-poplu.

Hallelujah.

L-EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew

Mt 4, 12-23

Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn

il-Galilija. Telaq minn Nażaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib

il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien

ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal:

”Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali,

it-triq tal-baħar, art ’il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus!

Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir;

dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom.

Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax

is-Saltna tas-Smewwiet waslet.

Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun

jgħidulu Pietru, u ħuh Indri, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax

kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda

tal-bnedmin. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh. Wara

li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh

Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom Żebedew isewwu

x-xbiek tagħhom, u sejħilhom. Minnufih telqu d-dgħajsa u lil

missierhom, u marru warajh.

Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar

l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost

il-poplu.

Il-Kelma tal-Mulej.