L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija
Sof 2, 3; 3, 12-13
Fittxu lill-Mulej ilkoll,
intom, l-umli ta’ l-art,
li tagħmlu ordnijietu,
fittxu l-ġustizzja, fittxu l-umiltà;
biex forsi f’jum
il-korla tal-Mulej
ikollkom fejn tistkennu.
”U nħalli
f’nofsok poplu umli u mċekken.”
U f’isem il-Mulej
ifittxu l-kenn
dawk li jifdal minn Iżrael.
Ma jagħmlux ħażen, ma jgħidux kliem b’ieħor,
u lsien qarrieq
ma jibqax iżjed f’fommhom,
hekk li joqogħdu jirgħu u jistrieħu
bla ma jbeżżagħhom
ħadd.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 145
RIT: Henjin il-foqra fl-ispirtu
Il-Mulej jagħmel
ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej
jeħles lill-imjassrin.
Rit...
Il-Mulej jiftaħ
għajnejn l-għomja;
il-Mulej jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej iħobb lill-ġusti;
il-Mulej iħares lill-barranin.
Rit...
Hu jżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan
għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn
nisel għal nisel.
Rit...
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
1 Kor 1, 26-31
Ħuti, qisu s-sejħa
tagħkom: għax m’humiex ħafna fostkom li
huma għorrief skond il-qjies tad-dinja; m’humiex ħafna s-setgħana, m’humiex
ħafna n-nobbli.
Imma Alla għażel in-nies boloh għad-dinja biex iħawwad l-għorrief; għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad
il-qawwija; għażel il-mistmerra
mid-dinja, u n-nies li ma huma xejn, biex
iġib fix-xejn lil dawk li huma xi ħaġa.
Hekk ebda bniedem ma jkun jista’ jiftaħar quddiem Alla.
Minnu li intom tinsabu fi Kristu Ġesù li sar
għalina l-għerf mingħand Alla, ġustizzja,
qdusija u fidwa, biex bħalma hu miktub, min jiftaħar, ħa
jiftaħar fil-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Ifirħu u thennew,
għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Mt 5,
1-12a
F’dak iż-żmien, kif ra l-folol,
Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad
bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad
jgħallimhom u jgħid:
”Henjin il-foqra
fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin l-imnikkta,
għax huma jkunu
mfarrġa.
Henjin ta’ qalbhom ħelwa,
għax huma jkollhom
b’wirthom l-art.
Henjin dawk li huma
bil-ġuħ u bl-għatx
tal-ġustizzja,
għax huma jkunu
mxebbgħin.
Henjin dawk li jħennu,
għax huma jsibu
ħniena.
Henjin dawk li huma
safja f’qalbhom,
għax huma jaraw
lil Alla.
Henjin dawk li jġibu
l-paċi,
għax huma jissejħu
wlied Alla.
Henjin dawk li huma
ppersegwitati minħabba
s-sewwa,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin intom, meta
jgħajrukom u jippersegwitawkom
u jaqilgħu
kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.
Ifirħu u thennew,
għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.”
Il-Kelma tal-Mulej.