L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak
Sir 15,
15-20
Jekk trid tista’
tħares il-kmandamenti,
u b’rieda tajba
tista’ tkun fidil.
Hu qegħedlek quddiemek in-nar u l-ilma;
liema trid minnhom,
midd idek għalih.
Quddiem il-bniedem hemm il-ħajja u l-mewt,
u liema tixtieq
qalbu lesta għalih.
Għax għerf il-Mulej hu bla
qjies,
qawwi f’setegħtu u jara kollox.
Għajnejh fuq dawk
li jibżgħu minnu,
u jagħraf kull ma jagħmel il-bniedem.
Lil ħadd ma qabbad jgħix ħażin,
u lil ħadd
ma rħielu jidneb.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 118
RIT: Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej
Henjin dawk li triqthom
bla ħtija,
li jimxu fil-liġi
tal-Mulej.
Henjin dawk li jħarsu
l-preċetti tiegħu,
u li jfittxuh b’qalbhom kollha.
RIT…
Int tajt il-preċetti
tiegħek,
biex inħarsuhom bir-reqqa.
Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi
fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek!
RIT…
Kun twajjeb mal-qaddej tiegħek,
agħtini li ngħix u nħares il-kelma tiegħek.
Iftaħli għajnejja,
biex nara l-għeġubijiet
tal-liġi tiegħek.
RIT…
Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek;
jiena rrid nibqa’
fiha sa l-aħħar.
Fehemni biex inħares
il-liġi tiegħek
u nagħmilha b’qalbi kollha.
RIT…
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
1 Kor 2, 6-10
Ħuti, aħna ngħallmu l-għerf fost dawk li huma
perfetti, imma mhux
l-għerf ta’ din id-dinja, anqas l-għerf tal-prinċpijiet
ta’ din id-dinja, li
se jintemmu fix-xejn. Ngħallmu l-għerf ta’ Alla moħbi f’misteru, li
Alla fassal
qabel iż-żmien għall-glorja tagħna.
Ebda wieħed mill-mexxejja ta’ din id-dinja ma għarfu; kieku
għarfuh, qatt ma kienu se jsallbu lill-Mulej tal-glorja.
Imma, bħalma hu miktub: “Dak
li għajn qatt ma rat u
widna qatt
ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bnedmin, dak Alla lesta
għal dawk li jħobbuh.
Alla rrivelahulna permezz ta’ l-Ispirtu; għax l-Ispirtu jgħarbel
kollox, sa fil-qiegħ
ta’ Alla.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Mt 5,
17-37
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: ”Xejn taħsbu
li ġejt
inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom,
iżda biex inwassalhom
għall-milja tagħhom.
Tassew ngħidilkom,
li sa ma jkunu
għaddew is-sema u
l-art anqas l-iżgħar
ittra jew tikka
waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox.
Jekk mela xi ħadd
iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar
minn dawn
il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu
l-istess, dan jissejjaħ
l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet.
Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna
tas-Smewwiet. Ngħidilkom li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx
ħafna aħjar minn dik tal-kittieba
u l-Fariżej, ma tidħlux
fis-Saltna
tas-Smewwiet.
Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: “La toqtolx. Jekk xi ħadd joqtol ikun
ħaqqu l-kundanna.” Imma jiena ngħidilkom
li l-kundanna tistħoqq
ukoll lil min jinkorla
għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh
jgħidlu: “Ġifa,” ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu:
“Iblah,”
ikun ħaqqu n-nar ta’ l-infern.
Mela jekk tkun
qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm
tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek
hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel
irranġa ma’ ħuk,
u
mbagħad ejja talla’
l-offerta tiegħek.
Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar
fis waqt li tkun
għadek miegħu
fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn
l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek
fil-ħabs.
Tassew ngħidlek, minn hemm
ġew ma toħroġx
qabel ma tkun
ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.
Smajtu xi ntqal: “La tagħmilx adulterju.” Imma jiena ngħidilkom
li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha
jkun ġa għamel adulterju
magħha f’qalbu.
Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra
u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek
biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U
jekk idek il-leminija
hi għalik okkażjoni
ta’ dnub, aqtagħha barra u
armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek
jekk tintiliflek
biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.
Intqal ukoll: “Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha
l-kitba
tad-divorzju.” Imma jiena
ngħidilkom li kull min
jibgħat lil
martu barra l-każ
ta’ żwieġ ħażin,
iwaqqagħha fl-adulterju;
u min
jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju.
Smajtu wkoll xi ntqal lin-nies ta’ dari: “Tonqosx mill-wegħda li ħlift
imma rodd lill-Mulej
il-wegħdiet li ħliftlu.”
Imma jiena ngħidilkom
biex ma taħilfu xejn, u la bis-sema, għax hu t-tron ta’ Alla, u la
bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b’Ġerusalemm, għaliex
hija l-Belt tas-Sultan il-kbir. U lanqas b’rasek ma għandek taħlef,
għaliex inti anqas
biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha
bajda jew sewda.
Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: “iva, iva”; “le,
le”; kull ma hu iżjed minn
hekk ikun ġej mill-Ħażin.
Il-Kelma tal-Mulej.