L-EWWEL QARI

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

1 Sam 26, 2.7-9.12-13.22-23

 

F’dak  -żmien, Sawl  qam u niżel lejn id-deżert ta’ Żif, u miegħu ħa tlitt elef raġel magħżula  minn Iżrael, ifittex lil David fid-deżert ta’ Żif.

 

U ġie David u Abisaj ħdejn l-eżerċtu billejl, u Sawl kien mimdud u rieqed f’nofs il-kamp, u l-lanza tiegħu kienet imwaħħla fl-art in-naħa ta’ rasu; u Abner u n-nies tiegħu mimdudin madwaru. U Abisaj qal lil David: “Illum il-Mulej reħa l-għadu tiegħu f’idejk, ħa nsammru mal-art b’daqqa waħda bil-lanza tiegħu stess, bla ma nagħtih oħra.” Imma David wieġeb lil Abisaj: “La toqtlux! Għax min qatt medd idu fuq il-midluk tal-Mulej, u ħelisha?”

 

David ħa l-lanza u l-ġarra tal-ilma minn ħdejn ras Sawl u telqu, bla ma ħadd  rahom jew intebaħ, u bla ma ħadd  stenbaħ, għax kollha kienu reqdin, u ngħas tqil waqafuqhom mingħand il-Mulej.

 

David imbagħad qasam għan-naħa l-oħra u qagħad fuq il-quċċata tal-għolja fil-bogħod, b’wisakbir bejniethom. U David għajjat: “Hawn hi l-lanza tas-sultan, ħa jiġi ’l hawn wieħed mill-qaddejja

u jeħodha! Il-Mulej irodd lil kull wieħed skont il-ġustizzja tiegħu u l-lealtà tiegħu. Il-Mulej telqek f’idejja llum, imma jien ma ridtx immidd idejja fuq il-midluk tal-Mulej.”

 

Il-Kelma tal-Mulej.


SALM RESPONSORJALI                     

Salm 102

 

RIT: Ħanin u twajjeb il-Mulej

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. 

Rit                                                                                      

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek  bit-tjieba u l-ħniena. 

Rit                                       

 

Ħanin u twajjeb il-Mulej,

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

Ma mexiex magħna skont ma ħaqqhom ħtijietna;

ma ħallasniex skont ma ħaqqha ħżunitna.

Rit

 

Daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.

Bħalma jħenn il-missier għal uliedu,

hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biżatiegħu.

Rit

 

IT-TIENI QARI

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

1 Kor 15, 45-49

 

Ħuti, l-ewwel bniedem, Adam, sar ruħ ħajja, l-aħħar wieħed sar spirtu li jagħti l-ħajja.

 

Mhux  l-ispiritwali ġie l-ewwel, imma l-ewwel in-naturali u mbagħad l-ispiritwali.

 

L-ewwel bniedem, mit-trab, hu tal-art; it-tieni bniedem, mis-sema.

Bħalma hu l-bniedem tal-art, hekk ukoll huma l-bnedmin tal-art; bħalma hu l-bniedem tas-sema, hekk ukoll huma l-bnedmin tas- sema.

 

Bħalma aħna mlibbsa x-xbieha tal-bniedem tal-art, hekk ukoll għad nilbsu x-xbieha tal-bniedem tas-sema.

 

 

Il-Kelma tal-Mulej.

 

 

VERSETT
Hallelujah.
Halleluljah.
Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej;

bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.

Hallelujah.

L-EVANĠELJU

Qari mill -Evanġelju skont San Luqa

Lq 6, 27-38

 

F’dak  -żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: ”Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok

il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom.

 

Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistajkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jistajkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jistajkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom.

 

Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.

 

Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom.”

 

 

 

Il-Kelma tal-Mulej.