L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb  ta’ Bin Sirak

Sir 27, 5-8

 

Meta jheżżu għarbiel jibqafih l-iskart, hekk ukoll min jgħarbel lilu nnifsu jagħraf ħżunitu. Il-forn jgħaddi mill-prova xogħol il-fuħħari, hekk ukoll bniedem tagħrfu minn kliemu.

 

Il-frott jikxef kemm bidwi jkun ħa ħsieb is-siġra, hekk ukoll kelma tikxef ħsieb qalb il-bniedem. Tfaħħarx bniedem qabel jitkellem, għax hekk jiġu ppruvati n-nies.

 

Il-Kelma tal-Mulej.


SALM RESPONSORJALI                     

Salm 91

 

RIT: Tajjeb li nfaħħru l-Mulej

 

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej,

li ngħannu  lil ismek, inti l-Għoli,

Inxandru filgħodu t-tjieba tiegħek, u billejl il-fedeltà tiegħek.

Rit                                                                                      

 

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, bħal ċedru tal-Libanu jikber.

Imħawlin f’dar il-Mulej,

iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna

Rit                                       

 

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, kollhom ħajja u ħdura,

biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi, u ebda qerq ma jinsab fih.

Rit

 

 

 

IT-TIENI QARI

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

1 Kor 15, 54-58

 

Ħuti, meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, imbagħad iseħħ dak li hemm miktub:

 

Inbelgħet il-mewt fir-rebħa.

Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża tiegħek?

 

In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, u l-qawwa tad-dnub hi l-Liġi.

Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu!

 

Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej mhijiex għalxejn.

 

 

Il-Kelma tal-Mulej.

 

 

VERSETT
Hallelujah.
Halleluljah.
Intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb, u żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja.

Hallelujah.

L-EVANĠELJU

Qari mill -Evanġelju skont San Luqa

Lq 6, 39-45

 

F’dak  -żmien, Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: ”Jistaagħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm

it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu.

 

Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tistatgħidlu lil ħuk: “Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek”, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk.

 

Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq.

 

Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.”

 

 

Il-Kelma tal-Mulej.