L-EWWEL QARI
Bidu tal-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli
Atti 1, 1-11
Fl-ewwel rakkont
tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak
kollu li Ġesù kien
għamel u għallem minn mindu beda sal-jum
li fih kien meħud
fis-sema, wara li, permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu
lill-appostli li hu kien għażel.
Wara l-passjoni
tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj;
f’erbgħin jum rawh kemm-il
darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ
tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma
jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ
il-wegħda tal-Missier, “li fuqha – qalilhom – smajtu x’kont
għedtilkom: Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom,
fi ftit jiem
oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu.”
Kif kienu
flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan iż-żmien
li fih int se
terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?” Hu weġibhom: “M’hijiex biċċa
tagħkom li tkunu tafu l-waqt
u ż-żmien li l-Missier
għażel bis-setgħa
tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu
l-qawwa, u tkunu
xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha
u s-Samarija u sa
truf l-art.”
Wara li qal
dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u
sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom. Waqt li kienu
b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa
waħda dehru
ħdejhom żewġt irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: “Irġiel
tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud
minn magħkom
lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh
sejjer.”
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 46
RIT: Hallelujah,
hallelujah, hallelujah
Popli kollha,
ċapċpu idejkom,
għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Allaż
Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,
sultan kbir fuq
l-art kollha.
Rit...
Tela’ Alla
b’għajat ta’ ferħ,
il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Għannu lil Alla, għannu,
għannu lis-sultan tagħna, għannu.
Rit...
Għax Alla s-sultan ta’ l-art kollha:
għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.
Isaltan Alla fuq il-ġnus
kollha,
joqgħod Alla fuq it-tron
imqaddes tiegħu.
Rit...
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ef 1, 17-23
Ħuti, Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja, jagħtikom
spirtu ta’ għerf
u rivelazzjoni biex tagħrfuh sewwa.
Hu jdawlilkom l-għajnejn
ta’ qalbkom biex tagħrfu x’inhi t-tama
tas-sejħa tagħkom; x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu
mal-qaddisin.
Tagħrfu x’inhu l-kobor bla qjies tas-setgħa
tiegħu fina li emminna,
skond il-ħila
tal-qawwa kbira tiegħu
li ħaddem fi Kristu,
meta qajmu mill-imwiet
u qiegħdu fil-lemin
tiegħu fis-smewwiet,
’il fuq minn kull Saltna
u Setgħa,
minn kull
Qawwa u Ħakma,
’il fuq minn kull isem
li jissemma,
mhux biss
għaż-żmien ta’ issa,
imma wkoll għal li ġej.
Iva, qiegħed kollox
taħt riġlejh,
u għamlu ras
fuq il-Knisja kollha,
li hi Ġismu,
il-milja ta’ dak li jimla kollox
f’kollox.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, jgħid il-Mulej.
Jiena magħkom
dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Għeluq ta’ l-Evanġelju
skont San Mattew
Mt 28,
16-20
F’dak iż-żmien,
il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija
u marru fuq
il-muntanja fejn kien ordnalhom
Ġesù.
Kif rawh,
inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw.
Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa
fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u
għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu,
u għallmuhom iħarsu
dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena
magħkom dejjem, sa l-aħħar
taż-żmien.”
Il-Kelma tal-Mulej.