L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta
Isaija
Is 60, 1-6
Qum! Ħa jiddi wiċċek!
Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek
sebħ il-Mulej!
Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli:
iżda fuqek jiddi l-Mulej, u s-sebħ tiegħu jfiġġ fuqek.
Il-ġnus għad
jimxu fid-dawl tiegħek, u s-slaten fid-dija tas-sebħ tiegħek.
Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara:
ilkoll
miġbura
ġejjin għandek.
Uliedek ġejjin mill-bogħod,
u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.
Imbagħad tħares u wiċċek
jiddi, u tħabbat u timtela qalbek,
għax fuqek taqa’ l-kotra tal-ġid
tal-ibħra, u l-għana
tal-ġnus jiġi għandek.
Imrieħel ta’ iġmla għad
jgħattuk, l-iġmla
żgħar ta’ Midjan
u Għefa;
ilkoll minn Seba
jiġu, mgħobbija
bid-deheb u l-inċens,
u jxandru t-tifħir tal-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 71
RIT: Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej
O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek, il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,
biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja, u bil-ħaqq
l-imsejknin tiegħek.
Rit...
Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,
u sliem kotran sa
ma jintemm il-qamar.
Isaltan minn baħar
sa baħar, u mix-xmara sa truf
l-art.
Rit...
Is-slaten ta’ Tarsis
u tal-gżejjer jagħtuh
ir-rigali, is-slaten ta’ Seba u ta’ Saba għotjiet iġibulu.
Iqimuh is-slaten
kollha, il-ġnus kollha lilu jaqdu.
Rit...
Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,
u lill-imsejken li m’għandux
min jgħinu.
Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;
il-ħajja tal-fqajrin
isalva.
Rit...
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ef 3, 2-3a. 5-6
Ħuti, intom
smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla tani għall-ġid tagħkom, jiġifieri, li permezz ta’ rivelazzjoni għarrafni l-misteru.
Dan hu
l-misteru li fil-ġenerazzjonijiet
l-imgħoddija ma kienx mgħarraf lill-bnedmin bħalma issa ġie rrivelat lill-appostli qaddisa tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri, li l-pagani huma msejħa
biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri
tal-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù permezz tal-Evanġelju.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Rajna l-kewkba
tiegħu tielgħa, u
ġejna nqimu l-Mulej.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Mt 2, 1-12
Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew
Ġerusalemm jistaqsu: ”Fejn hu dak
li twieled sultan tal-Lhud?
Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh.” Is-sultan Erodi sama’
bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn
kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar
ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.”
Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel,
u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi
nqimu.”
Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba
li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom
sakemm waslet u waqfet fuq il-post
fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad
daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens
u mirra. Imbagħad,
billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura
lejn arthom minn triq
oħra.
Il-Kelma tal-Mulej.