L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli
Atti 10, 34a.37-43
F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal: ”Intom
tafu b’dak
li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien
xandar il-magħmudija; tafu kif Alla
kkonsagra lil Ġesù ta’ Nażaret
bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda
jagħmel il-ġid
u jfejjaq lil
dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien
miegħu. U aħna xhud ta’ dak kollu
li hu għamel fl-art tal-Lhudija u
f’Ġerusalemm.
Tawh il-mewt billi
dendluh ma’ l-għuda tas-salib; imma Alla qajmu
mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux
lil kulħadd,
imma lix-xhieda li Alla għażel minn qabel, lilna,
li miegħu kilna u
xrobna wara l-qawmien
tiegħu mill-imwiet.
Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan hu dak
li
Alla għamlu
mħallef tal-ħajjin
u tal-mejtin. Il-profeti kollha
jixhdu
għalih u jgħidu li kull min jemmen fih jaqla’ l-maħfra
tad-dnubiet
bis-saħħa ta’ ismu.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 117
RIT:Dan hu l-jum li għamel
il-Mulej;
ħa nifirħu
u nithennew fih. Hallelujah
Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
Ħa jgħidu wlied Iżrael:
“Għal
dejjem it-tjieba tiegħu.
RIT…
Il-leminija tal-Mulej ’il
fuq merfugħa,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ
ta’ ħila!
Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,
u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.
RIT…
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa ta’ l-għaġeb f’għajnejna.
RIT…
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl
Appostlu lill-Kolossin
Kol 3, 1-4
Ħuti, jekk intom
irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema,
fejn Kristu qiegħed
fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema,
mhux f’dawk ta’ l-art.
Għax intom mittu,
imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu
f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom
ukoll tidhru flimkien
miegħu fil-glorja.
Il-Kelma tal-Mulej.
Sekwenza
Ħa jgħollu l-insara b’tifħirhom
il-Vittma tal-Għid:
għax feda l-Ħaruf
in-ngħaġ tiegħu
mill-jasar tal-mewt;
Ġesù raġa’ ħabbeb il-midneb
ma’ Alla l-Missier.
F’taqbida tal-għaġeb mal-Ħajja
inqerdet il-Mewt;
u qam Sid il-ħajja
mill-qabar,
isaltan rebbieħ.
“Għidilna, Marija, ħabbrilna:
fit-triq lil min rajt?
“Jien rajt
qabar Kristu li rxoxta
fis-sebħ tal-qawmien;
rajt l-Anġli li ġew jagħtu xhieda,
il-faxxa, il-liżar.
Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi,
li fih ittamajt!
Mar hu l-Galilija
qabilkom:
hemmhekk se tarawh.
O, nemmnu li llum Kristu rxoxta
tassew mill-imwiet!
Int mela, Sultan, ħenn għalina,
O Kristu
rebbieħ.
Amen! Hallelujah!
VERSETT
Hallelujah.
Hallelujah
Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu
maqtul:
nagħmlu mela festa
fil-Mulej.
Hallelujah
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Ġw 20, 1-9
Kien l-ewwel jum
tal-ġimgħa, filgħodu
kmieni kif kien għadu
d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata
mneħħija mill-qabar.
Għalhekk telqet tiġri
għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor
li kien iħobb
Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma
nafux fejn qegħduh!
Pietru u d-dixxiplu
l-ieħor ħarġu
u ġew ħdejn il-qabar.
It-tnejn
ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru
u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex ta’ l-għażel
imqiegħda hemm, iżda
ma daħalx. Imbagħad
wasal warajh Xmun
Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, u
l-maktur li kien madwar
rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi
u mqiegħed f’post għalih.
Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn
il-qabar,
daħal hu wkoll,
ra, u emmen. Sa dak in-nhar
kienu għadhom ma
fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.
Il-Kelma tal-Mulej.