L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Is 50, 4-7
Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem,
biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi
kelma.
Ta’ kull filgħodu jqajjimli lil widinti,
biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.
Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk li kien jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u
l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.
Il-Kelma
tal-Mulej.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 21
RIT: Alla
tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?
Dawk kollha li jarawni jidħku bija,
jgħajbuni, iħarrku rashom u jgħidu:
”F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!
Ħa jsalvah hu, għax bih jitgħaxxaq!
RIT…
Qabda klieb daru għalija;
ġemgħa nies ħżiena rassewni.
Taqqbuli idejja u riġlejja;
nista’ ngħodd għadmi kollu.
RIT…
Ħwejġi qasmu bejniethom,
jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.
Mulej, la titbegħidx minni;
qawwa tiegħi, fittex għinni!
RIT…
Inxandar ismek lil ħuti;
infaħħrek f’nofs il-ġemgħa.
Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu
minnu;
sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb!
ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael!
RIT…
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Filippin
Fil 2, 6-11
Ġesù Kristu li għad li kellu n-natura ta’
Alla,
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura
ta’ lsir,
sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala
bniedem;
ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet
u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem,
biex fl-isem ta’ Ġesù
– fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art –
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkubbtejhom,
u kull ilsien jistqarr:
“Ġesù Kristu hu l-Mulej,
għall-glorja ta’ Alla l-Missier.
Il-Kelma
tal-Mulej.
VERSETT
Glorja u tifħir lilek, Kristu
Minħabba fina Kristu obda sal-mewt, anzi sal-mewt
tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet,
u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem.
Glorja u tifħir lilek, Kristu
L-EVANĠELJU
Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skont San
Mattew
Mt 26, 14 -
27, 66
F’dak iż-żmien, wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda
l-Iskarjota, mar
għand il-qassisin il-kbar u qalilhom:
“Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù
f’idejkom?
U huma tawh tletin biċċa tal-fidda bħala
ħlas. Minn dak il-ħin
beda jfittex okkażjoni tajba biex jagħtihom
lil Ġesù f’idejhom.
Fl-ewwel jum ta’ l-Ażżmi d-dixxipli resqu
lejn Ġesù u qalulu:
“Fejn tridna nħejjulek l-ikla tal-Għid?
U hu qalilhom:
“Morru l-belt għand it-tali, u għidulu:
“Qallek l-Imgħallem:
Is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel
l-ikla tal-Għid għandek
mad-dixxipli tiegħi.”
Id-dixxipli għamlu kif ordnalhom Ġesù u ħejjew
l-ikla ta’
l-Għid.
Għall-ħin ta’ filgħaxija qagħad
fuq il-mejda flimkien
mat-Tnax, u waqt l-ikel qal:
“Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se
jittradini.
Huma bdew isewdu qalbhom ħafna u kull wieħed
minnhom
beda jsaqsih:
“Jaqaw jien, Mulej?
U Ġesù weġibhom:
“Dak li jmidd idu u jbill il-ħobż fi platt
wieħed miegħi, dak li se
jittradini. Bin il-bniedem imur kif hemm miktub fuqu
imma
ħażin għalih dak il-bniedem li permezz
tiegħu Bin il-bniedem
ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar
għalih dak
il-bniedem li kieku ma twieled xejn!
Qabeż Ġuda, dak li ttradieh, u qallu:
“Jaqaw jien, Rabbi?
Wieġbu Ġesù:
“Int qiegħed tgħidu.
Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż
f’idejh, qal il-barka, qasmu,
newlu lid-dixxipli u qal:
“Ħudu, kulu, dan hu ġismi.
Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr,
newlilhom il-kalċi u
qal:
“Ixorbu lkoll minnu, għax dan huwa demmi, id-demm
tal-Patt,
li jixxerred għall-kotra għall-maħfra
tad-dnubiet. Ngħidilkom,
li ma nerġax nixrob iżjed minn dan il-frott
tad-dielja sa dakinhar
li nixrob inbid ġdid magħkom fis-Saltna ta’
Missieri”.
Kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja
taż-Żebbuġ. Imbagħad
Ġesù qalilhom:
“Ilkoll kemm
intom se titħawdu minħabba fija f’dan il-lejl;
għax hemm miktub: “Nidrob ir-ragħaj, u n-nagħaġ
tal-merħla
jitferrxu.” Imma wara li nqum mill-mewt, immur
il-Galilija
qabilkom.
Qabeż Pietru u qallu:
“Jekk kulħadd jitħawwad minħabba fik,
jiena ma nitħawwad
qatt.
Qallu Ġesù:
“Tassew, ngħidlek, li dal-lejl, qabel ma jidden
is-serduk, int tkun
ġa ċħadtni tliet darbiet.
Qallu Pietru:
“Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut
miegħek!
U d-dixxipli l-oħra wkoll, kulħadd qal
l-istess.
Imbagħad Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu
wasal f’qasam,
jgħidulu l-Ġetsemani, u qal lid-dixxipli:
“Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm immur
hemmhekk nitlob.
U ħa miegħu lil Pietru u ż-żewġ
ulied ta’ Żebedew, u beda
jsewwed qalbu u jiddejjaq. Imbagħad qalilhom:
“Għandi ruħi mnikkta għall-mewt, ibqgħu
hawn u ishru miegħi.
Mexa kemmxejn ’il quddiem, inxteħet wiċċu
fl-art jitlob u jgħid:
“Missier, jekk
jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma
mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.
Ġie ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin; u qal
lil Pietru:
“Mela ma flaħtux tishru siegħa waħda
miegħi? Ishru u itolbu
biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva,
irid; imma l-ġisem dgħajjef.
Għat-tieni darba raġa’ mar jitlob u qal:
“Missieri, jekk dan il-kalċi ma jistax jgħaddi
mingħajr ma
nixorbu, tkun magħmula r-rieda tiegħek.
Mill-ġdid ġie u sabhom reqdin, għax għajnejhom
kienu tqal
bin-ngħas. Ħalliehom, u raġa’ mar
jitlob għat-tielet darba, u
qal l-istess kliem. Imbagħad ġie ħdejn
id-dixxipli u qalilhom:
“Issa se torqdu u tistrieħu? Ara, is-siegħa
waslet, u Bin
il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-midinbin.
Qumu! Ejjew
immorru! Araw, dak li se jittradini huwa fil-qrib!
Kif kien għadu jitkellem, ġie Ġuda, wieħed
mit-Tnax,
b’ġemgħa kbira ta’ nies miegħu, armati
bis-sjuf u l-bsaten,
mibgħuta mill-qassisin il-kbar u x-xjuħ
tal-poplu. Issa dak li
kien se jittradih kien tahom sinjal u qalilhom:
“Lil dak li nbus, dak hu: aqbduh.
U minnufih resaq fuq Ġesù; u qallu:
“Is-sliem għalik, Rabbi!
U biesu.
U Ġesù qallu:
“Ħabib, għalhekk ġejt int!
Huma resqu lejh, meddew idejhom fuq Ġesù u
qabduh.
Wieħed minn dawk li kienu ma’ Ġesù ħareġ
idu u silet
is-sejf, darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu
widintu.
Imbagħad Ġesù qallu:
“Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax
kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf
jinqered. Taħseb int li ma nistax nitlob lil
Missieri u jibgħatli
issa stess aktar minn tnax-il leġjun ta’ anġli?
Iżda mbagħad kif
isseħħ l-Iskrittura li tgħid li hekk għandu
jsir?
Fl-istess waqt Ġesù qal:
“Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel,
armati bis-sjuf u bil-bsaten
biex taqbdu lili! Jien kuljum kont inkun bilqiegħda
fit-tempju
ngħallem, u ma żammejtunix. Iżda dan
kollu ġara biex isseħħ
il-kitba tal-profeti.
Imbagħad id-dixxipli kollha telquh u ħarbu.
Dawk li qabdu
lil Ġesù ħaduh quddiem Kajfa, il-qassis
il-kbir, fejn ġa kienu
nġabru l-kittieba u x-xjuħ. Pietru kien
baqa’ miexi warajh
mill-bogħod sal-palazz tal-qassis il-kbir; daħal
ġewwa u qagħad
bilqiegħda mal-qaddejja biex jara kif kienet se
tintemm il-biċċa.
Il-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollha bdew ifittxu
xhieda foloz
kontra Ġesù bil-ħsieb li jagħtuh
il-mewt, iżda għalkemm resqu
bosta xhieda foloz, ma sabux fuqiex jixluh. Fl-aħħar
resqu tnejn
u qalu:
“Dan qal: “Nista’ nħott it-tempju ta’ Alla u nerġa’
nibnih fi tlitt
ijiem.”
Il-qassis il-kbir qam u qallu:
“Xejn ma twieġeb? X’inhuma jixhdu dawn kontra
tiegħek?
Imma Ġesù baqa’ sieket. Imbagħad il-qassis
il-kbir qabad u
qallu:
“Aħlifli fuq Alla l-ħaj u għidilna jekk
intix il-Messija, Bin Alla.
Qallu Ġesù:
“Inti qiegħed tgħidu. U ngħidilkom
ukoll: minn issa ’l quddiem
għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda
n-naħa tal-lemin ta’
dak li jista’ kollox u ġej fuq is-sħab
tas-sema.
Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat ilbiesu u
qal:
“Din dagħwa! Xi ħtieġa għandna
iżjed ta’ xhieda? Ara, smajtuha
issa d-dagħwa! X’jidhrilkom?
Huma weġbuh u qalu:
“Ħaqqu l-mewt.
Imbagħad beżqulu f’wiċċu u tawh
bil-ponn, u xi wħud tawh
bil-ħarta u qalulu:
“Aqta’ min tahielek, Messija, din id-daqqa!
Intant Pietru kien hemm barra bilqiegħda, fil-bitħa
tal-palazz.
U resqet fuqu waħda qaddejja u qaltlu:
“Int ukoll kont ma’ Ġesù tal-Galilija!
Imma hu ċaħad quddiem kulħadd u qal:
“Anqas naf xi trid tgħid.
Imbagħad warrab lejn il-bieb, lemħitu
qaddejja oħra u qalet lil
dawk li kienu hemm:
“Dan kien ma’ Ġesù ta’ Nażaret.
U raġa’ ċaħad u ħalef:
“Jien ma nafux lil dan il-bniedem!
Wara ftit dawk l-istess nies resqu lejn Pietru u
qalulu:
“Tassew, inti wkoll wieħed minnhom, għax għandek
il-kisra ta’
kliemek tikxfek.
Imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef:
“Le, ma nafux lil dan il-bniedem!
U minnufih is-serduk idden. U Pietru ftakar fil-kliem
ta’ Ġesù
meta qallu: “Qabel ma s-serduk jidden, int tkun ġa
ċħadtni tliet
darbiet. U ħareġ ’il barra jibki biki ta’
qsim il-qalb.
L-għada filgħodu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ
tal-poplu ftiehmu
lkoll bejniethom biex lil Ġesù jaqtgħuhielu
għall-mewt. Rabtuh
u ħaduh magħhom biex jagħtuh f’idejn
Pilatu, il-gvernatur.
Imbagħad Ġuda, it-traditur, meta ra li Ġesù
kien ikkundannat,
nidem u mar bit-tletin biċċa tal-fidda għand
il-qassisin il-kbar u
x-xjuħ biex jerġa’ jagħtihomlhom lura;
u qalilhom:
“Dnibt, għax ittradejt demm bla ħtija!
Iżda huma qalulu:
“Aħna din x’inhi affari tagħna? Dak arah
int!
Hu waddab il-flus fis-santwarju, telaq u mar tgħallaq.
Imbagħad il-qassisin il-kbar ġabru l-flus
minn hemm u qalu:
“Dawn ma nistgħux inqegħduhom ma’ l-offerti,
għax huma
prezz tad-demm.
Ftiehmu bejniethom, u b’dawk il-flus xtraw “l-Għalqa
ta’
Ħaddiem il-Fuħħar,” biex fiha jidfnu
l-barranin. Kien għalhekk
li dik l-għalqa ssemmiet “l-Għalqa
tad-Demm”, u hekk għadha
magħrufa sa llum. Imbagħad seħħ
dak li kien ingħad permezz
tal-profeta Ġeremija meta qal: “U ħadu
t-tletin biċċa tal-fidda,
il-prezz ta’ dak li kien stmat bil-prezz mogħti
minn ulied Iżrael,
u tawhom għall-għalqa ta’ ħaddiem il-fuħħar,
kif ikkmandani
l-Mulej.
Ġesù waqaf quddiem il-gvernatur, u dan staqsieh:
“Int is-sultan tal-Lhud?
U Ġesù wieġbu:
“Int qiegħed tgħidu.
Iżda meta l-qassisin il-kbar u x-xjuħ bdew
jakkużawh, hu ma
wieġeb xejn. Għalhekk Pilatu qallu:
“M’intix tisma’ kemm ħwejjeġ qegħdin
jixhdu kontra tiegħek?
Iżda hu anqas għal akkuża waħda ma
wieġeb, hekk li
l-gvernatur baqa’ mistagħġeb ħafna.
Nhar ta’ festa, il-gvernatur kien soltu jitlaq wieħed
ħabsi, lil
min iridu huma. Dik il-ħabta kellhom wieħed ħabsi
magħruf,
jismu Barabba. Mela kif kienu miġbura, Pilatu
qalilhom:
“Lil min triduni nitilqilkom, lil Barabba jew lil Ġesù
li jgħidulu
l-Messija?
Għax hu kien jaf li kienet l-għira li ġagħlithom
jagħtuh lil Ġesù
f’idejh. Issa waqt li kien bilqiegħda fuq is-siġġu
tat-tribunal,
martu bagħtet tgħidlu:
“Qis li ma jkollokx x’taqsam ma’ dan ir-raġel ġust,
għax illum
minħabba fih batejt ħafna fil-ħolm.
Iżda l-qassisin il-kbar u x-xjuħ ġiegħlu
l-poplu jitolbuh
lil Barabba u jeqirdu lil Ġesù. Il-gvernatur,
mela, raġa’
staqsiehom:
“Lil min
triduni nitilqilkom minnhom it-tnejn?
Weġbuh ilkoll:
“Lil Barabba.
Qalilhom Pilatu:
“U x’nagħmel b’Ġesù li jgħidulu
l-Messija?
Weġbuh ilkoll:
“Sallbu!
Hu staqsiehom:
“Imma x’għamel ħażin?
Huma aktar bdew jgħajtu u jgħidu:
“Sallbu!
Meta mbagħad Pilatu ra li kollox kien għal
xejn, anzi li
aktarx kienet se tinqala’ xi rewwixta, qabad, ħasel
idejh fl-ilma
quddiem il-poplu u qal:
“Jien m’iniex ħati ta’ dan id-demm: dan arawh
intom!
U l-poplu kollu qabeż u qal:
“Demmu fuqna u fuq uliedna!
Imbagħad telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù,
wara li tah is-swat,
tahulhom biex isallbuh.
Imbagħad is-suldati tal-gvernatur ħadu lil Ġesù
fil-Pretorju,
u ġabru quddiemu lil sħabhom kollha.
Neżżgħuh, u xeħtulu
fuqu mantar aħmar skur; qegħdulu fuq rasu
kuruna minsuġa
mix-xewk u qasba f’idu l-leminija, inxteħtu għarkubbtejhom
quddiemu, u qagħdu jiddieħku bih u jgħidulu:
“Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!
Beżqu fuqu, u ħadulu l-qasba minn idu u bdew
jagħtuh biha
fuq rasu. Imbagħad, wara li għaddewh
biż-żufjett, neżżgħulu
l-mantar u xeddewlu ħwejġu.
U ħaduh magħhom biex isallbuh. Huma u sejrin
sabu raġel
minn Ċireni, jismu Xmun, u ġagħluh
jerfagħlu s-salib. Meta
waslu f’post jgħidulu Golgota, jiġifieri
post il-Qorriegħa,
tawh jixrob inbid b’taħlita morra; hu daqu, imma
ma riedx
jixorbu. Imbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu
bejniethom billi
tellgħuhom bix-xorti, u nxteħtu bilqiegħda
u qagħdu hemm
għassa tiegħu. U qegħdulu fuq rasu
l-kawża tal-kundanna
tiegħu li kienet tgħid hekk: “Dan hu Ġesù,
is-sultan tal-Lhud.
38Imbagħad miegħu sallbu żewġ ħallelin,
wieħed fuq il-lemin u
l-ieħor fuq ix-xellug. Dawk li kienu għaddejjin
bdew jgħajruh,
iċaqilqu rashom u jgħidu:
“Int li tħott it-tempju u fi tlitt ijiem terġa’
tibnih, salva lilek
innifsek jekk int l-Iben ta’ Alla, u inżel minn
fuq is-salib!
Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih
mal-kittieba
u x-xjuħ u jgħidu:
”Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Hu
s-sultan ta’
Iżrael! Ħa jinżel issa minn fuq
is-salib u nemmnu fih! Hu jafda
f’Alla; ħa jeħilsu issa, jekk iħobbu! Għax
hu qal: “Jiena Bin
Alla!”
U bl-istess mod bdew imaqdruh ukoll il-ħallelin
li kienu
msallbin miegħu.
Mis-sitt siegħa ’l quddiem waqgħet dalma
kbira fuq il-pajjiż
kollu sad-disa’ siegħa. U madwar id-disa’ siegħa
Ġesù għajjat
b’leħen qawwi u qal:
“Eli, Eli, lemà sabaqtàni?
iġifieri: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex
tlaqtni?
Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh,
qalu:
“Lil Elija qiegħed isejjaħ dan!
U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad
sponża mimlija
bil-ħall, waħħalha f’tarf ta’ qasba u
tah jixrob, waqt li l-oħrajn
qalu:
“Stenna, ħa naraw jiġix Elija jsalvah!
Imma Ġesù raġa’ għajjat għajta
kbira u radd ruħu.
Kulħadd jinżel għarkubbtejh u
jinżamm is-skiet għal ftit ħin.
U ara l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi
tnejn minn fuq s’isfel;
l-art theżhżet, il-blat inqasam, u l-oqbra
nfetħu, u qamu ħafna
iġsma ta’ qaddisin li kienu mietu, li ħarġu
mill-oqbra u wara
l-qawmien tiegħu daħlu fil-Belt imqaddsa u
dehru lil bosta nies.
Iċ-ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa
ta’ Ġesù, kif raw
l-art titheżheż u jiġri dak kollu,
imtlew b’biża’ li ma bħalu u
qalu:
“Dan kien tassew Bin Alla!
Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu
mill-bogħod, dawk
stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn
meta kien
għadu fil-Galilija: fosthom kien hemm Marija ta’
Magdala,
Marija omm Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied
Żebedew. Xħin
sar fil-għaxija, ġie raġel għani,
minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li
hu wkoll kien sar dixxiplu ta’ Ġesù; mar għand
Pilatu u talbu
l-ġisem ta’ Ġesù. Imbagħad Pilatu ordna
li jingħatalu. Ġużeppi
ħa l-ġisem u keffnu f’liżar nadif, qiegħdu
fil-qabar ġdid tiegħu
li kien ħaffer fil-blat, gerbeb ġebla kbira
fid-daħla tal-qabar, u
telaq. Iżda Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra
baqgħu hemm
bilqiegħda biswit il-qabar.
L-għada, jiġifieri meta għadda Jum it-Tħejjija,
il-qassisin il-kbar
u l-Fariżej inġabru għand Pilatu u
qalulu:
“Sinjur, aħna ftakarna li dan il-bniedem qarrieq,
meta kien
għadu ħaj, qal: “Wara tlitt ijiem inqum.”
Mela ordna li l-qabar
ikun imħares tajjeb sat-tielet jum, li ma jmorrux
jiġu d-dixxipli
tiegħu jisirquh, u jgħidu lill-poplu: “Qam
mill-imwiet.” U hekk
il-qerq ta’ l-aħħar ikun agħar minn ta’
l-ewwel!
Qalilhom Pilatu:
“Għandkom l-għassa. Morru ħarsuh tajjeb
kif tafu.
U huma marru jissiġillaw il-ġebla biex
il-qabar jibqa’ mħares
sewwa, u ħallew ukoll l-għassa miegħu.
Il-Kelma
tal-Mulej.