L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli
Atti 2, 1-11
Meta wasal jum Għid il-Ħamsin,
huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha
fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu
u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll
bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skond ma
l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu. F’Ġerusalemm kien hemm
xi Lhud, nies twajba minn kull
nazzjon li hawn
taħt is-sema. Malli nstama’ dan
il-ħoss, inġabret
kotra kbira, ilkoll imħawdin
għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom
jitkellmu bl-ilsien tiegħu. Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: “Dawn li qegħdin
jitkellmu m’humiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed
minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija,
mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja,
mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar ċireni, nies li ġew
minn Ruma, kemm Lhud u kemm
prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna
lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’
Alla!”
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 103
Rit: Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ ta’ l-art
Bierek ruħ tiegħi, lill-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Mimlija l-art bil-ħlejjaq
tiegħek.
Rit...
Jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded il-wiċċ
tal-art.
Rit...
Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!
Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!
Ħa togħġbu
l-għanja tiegħi,
għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi.
Rit...
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
1 Kor 12, 3b-7.12-13
Ħuti, ħadd ma jista’ jgħid: “Ġesù
hu l-Mulej!”
jekk mhux imqanqal
mill-Ispirtu s-Santu.
Hemm imbagħad diversi doni, imma
l-istess wieħed hu l-Ispirtu;
hemm diversi ministeri,
imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm
diversi ħidmiet, imma l-istess Alla,
li jaħdem kollox f’kulħadd. Lil
kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni ta’
l-Ispirtu għall-ġid
ta’ kulħadd.
Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, u l-membri kollha
tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll
Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex
nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa,
u lkoll
xrobna minn Spirtu wieħed.
Il-Kelma tal-Mulej.
Sekwenza
Spirtu s-Santu, ejja fina,
raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,
xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.
O Missier il-foqra tiegħek,
inti ġġib id-doni miegħek,
tagħni b’dawlek qalb l-ulied.
Inti l-aqwa faraġ tagħna,
fik kull hena xħin tkun magħna,
tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.
Fl-għaja, lejn is-serħ twassalna;
jekk imħeġġa wisq, trażżanna;
mill-għajnejn tixxotta d-dmugħ.
O dawl hieni ta’ qdusija,
nitolbuk li bik mimlija
tkun il-qalb ta’ kull fidil.
Mingħajr dawlek li jmexxina
ebda ħajr ma jkun hemm fina,
ebda safa fl-għemil.
Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,
fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,
lill-miġruħ agħtih fejqan.
Rattab fina l-ebusija,
agħti lill-berdin bżulija,
għin fit-triq lil min beżgħan.
Agħti s-seba’ doni tiegħek
lil min jimxi fidil miegħek
u li fik jistrieħ kull ħin.
Agħti ’l kull virtù sabiħa
ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa,
agħti l-ġenna lit-tajbin.
Ammen. Hallelujah.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Ejja, Spirtu s-Santu,
imla l-qlub tal-fidili tiegħek
u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann.
Ġw 20,
19-23
Dak il-Ħadd fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud,
bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”
Kif qal hekk, uriehom
idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat
lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk,
nefaħ fuqhom u
qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu
maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”
Il-Kelma tal-Mulej.