Parroċċa Madonna tal-Karmnu - Fgura
"U meta nintrefa' 'l fuq mill-art, jien niġbed il-bnedmin kollha lejja." Ġw. 12,32.


75 SENA MILL-WASLA TAL-PATRIJIET

KARMELITANI FIL-FGURA


Is-sena 2020, għalina l-Fgurin hija sena speċjali għax niċċelebraw għeluq il-75 sena mill-wasla tal-patrijiet Karmelitani fil-Fgura.

Madankollu d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu fil-Fgura taf il-bidu tagħha ħafna snin qabel il-wasla tal-patrijiet fil-Fgura. Snin ilu flok is-salib li hemm fi Triq Hompesch kien hemm knisja żgħira iddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Qabel ma nbniet din il-knisja kien hemm xbieha tal-Madonna tal-Karmnu. Għalhekk tassew nistgħu ngħidu li kienet il-Madonna li ġabet il-patrijiet Karmelitani fil-Fgura u mhux il-patrijiet Karmelitani ġabu fil-Fgura d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu.

Qabel il-wasla tal-patrijiet fil-Fgura, ċertu Dun Ġużepp Zerafa, qassis minn-Raħal Ġdid kien jiġi jqaddes kuljum f’din il-knisja. Il-Provinċjal ta’ dak iż-żmien P. Pietru Dimech kien ilu li tefa’ għajnejh fuq il-Fgura u beda jaħdem biex il-ħsieb tiegħu li titwaqqaf komunità Karmelitana fil-Fgura jseħħ.

L-ewwel patrijiet Karmelitani waslu fil-Fgura nhar l-14 ta’ Frar 1945, festa ta’ San Ġwann tas-Salib. L-ewwel patrijiet kienu P. Tarċisju Lacari li kien l-ewwel pirjol, P. Redent Gauci li aktar tard sar isqof ġewwa l-Peru, P. Ġwann Caruana u Fra Romeo Bezzina. Huma bdew jgħixu f’dar fi Triq San Xmun mislufa minnhom mill-familja Garcia.