Parroċċa Madonna tal-Karmnu - Fgura
"U meta nintrefa' 'l fuq mill-art, jien niġbed il-bnedmin kollha lejja." Ġw. 12,32.

Komunità

Il-Membri tal-Komunità huma:

Rev. P. Raymond Calleja O.Carm.
Kappillan u Pirjol

Rev. P. Joe Vella O.Carm




Bħala Komunità Karmelitana, aħna ngħixu l-ħajja tagħna ta' talb, fraternità u kontemplazzjoni fost il-poplu bis-servizz pastorali tagħna li ma jillimitax ruħu għal tip wieħed ta' ħidma imma għal ħafna differenti minn xulxin. 






Ir-Regula ta' l-Ordni ta' l-Aħwa ta'  l-Imqaddsa Verġni Marija ta'  l-Għolja tal-Karmelu



                                
  (Ritratt tat-test oriġinali)



Din hija r-Regula uffiċċjali ta' l-Ordni Karmelitan, magħrufa bħala "Regula definittiva", jiġifieri l-Għamla ta' Ħajja miktuba minn Sant'Albert bejn l-1206 u l-1214 u mitigata mill-Papa Innoċenzu IV fl-1247.[1]
Albertu, imsejjaħ mill-grazzja ta' Alla, Patrijarka tal-Knisja ta' Ġerusalemm, lill-ulied maħbuba fi Kristu, B[rokard] u lill-eremiti l-oħra li jgħixu taħt l-ubbidjenza tiegħu, ħdejn il-għajn fil-Għolja tal-Karmelu, is-sliem fil-Mulej u l-barka ta' l-Ispirtu s-Santu.
[2]
Ħafna drabi u b'ħafna manjieri, is-Santi Padri iddeċidew b'liema mod kull wieħed – ikun f'liema Ordni jkun, jew tkun liema tkun il-għamla ta' ħajja reliġjuża li jkun għażel – għandu jgħix f'ubbidjenza lejn Ġesù Kristu u fedelment jaqdih b'qalb safja u b'kuxjenza tajba.
[3]
B'danakollu, ladarba qegħdin titolbuna, nagħtukom għamla ta' ħajja li taqbel ma' l-ideal tagħkom, lilha għandkom tħarsu minn issa 'l quddiem.
[4]
Nordnaw l-ewwelnett li jkollkom wieħed minnkom bħala pirjol li jintgħazel għal dan l-uffiċċju bil-kunsens ta' kulħadd jew tal-parti l-kbira u l-aktar għaqlija; lilu, kull wieħed mill-oħrajn iwiegħed ubbidjenza u jfittex iħares il-wegħda bis-sewwa ta' l-għemil flimkien mas-safa u ċ-ċaħda ta' kulma għandu.
[5]
Tistgħu toqogħdu fl-eremitaġġ jew fejn jagħtukom, basta jkun xieraq u jgħodd għall-ħarsien tal-ħajja reliġjuza tagħkom, skond kif il-pirjol u l-aħwa jidhrilhom li jkun jaqbel.
[6]
Barra minn hekk, skond il-qagħda tal-post fejn għażiltu li toqogħdu, kull wieħed minnkom ikollu kamra waħda maqtugħa mill-oħrajn li tingħata lil kull wieħed skond kif jidhirlu l-pirjol innifsu bi ftehim ma' l-aħwa l-oħra jew mal-parti l-aktar għaqlija.
[7]
B'danakollu, dak li taqilgħu għall-ikel, għandkom tiħduh flimkien, f'refettorju wieħed, waqt li jekk jista' jkun, tisimgħu xi qari mill-Kotba Mqaddsa.
[8]
L-ebda reliġjuż ma jista', mingħajr il-permess tal-pirjol li jkun fil-kariga, ibiddel il-kamra mogħtija lilu jew jibdilha ma' ta' ħaddieħor.
[9]
Il-kamra tal-pirjol tkun ħdejn id-daħla tal-post fejn toqogħdu, sabiex huwa jkun l-ewwel li jilqa' lil min jiġi f'dan il-post u mbagħad dak kollu li għandu jsir isir skond il-fehma u r-rieda tiegħu.
[10]
Kull wieħed għandu joqgħod f'kamartu jew ħdejha, lejl u nhar jaħseb fuq il-Liġi tal-Mulej u jishar fit-talb, sakemm ma jkunx mehdi fi ħwejjeġ oħra ta' siwi.
[11]
Dawk li jafu jgħidu t-Talb tas-Sigħat mal-kjerċi, għandhom jgħiduh skond id-dispożizzjonijiet tas-Santi Padri u d-drawwa mwettqa mill-Knisja. Dawk li ma jafuhx, fis-sahra ta' bil-lejl, jgħidu ħamsa u għoxrin Missierna, barra l-Ħdud u l-festi solenni li fl-uffiċċju tagħhom ta' bil-lejl l-għadd imsemmi rridu li jkun daqshekk darb'oħra, hekk illi l-Missierna tingħad għal ħamsin darba. Din it-talba tingħad għal seba' darbiet fit-talb ta' filgħodu. Fis-sigħat l-oħra tingħad ukoll l-istess talba għal seba' darbiet f'kull siegħa, barra mill-uffiċċju ta' filgħaxija li fih għandkom tgħiduha għal ħmistax-il darba.
[12]
Ħadd mill-aħwa ma jgħid li għandu xi ħaġa tiegħu, imma kollox ikun komuni fostkom u jitqassam minn idejn il-pirjol jew minn xi reliġjuż maħtur minnu għal dan l-uffiċċju, waqt li jagħti kas ta' l-età u l-ħtiġijiet ta' kull wieħed.
[13]
Tistgħu wkoll iżżommu xi ħmir jew bgħula, skond kif il-ħtieġa tagħkom titlob, u trabbu xi annimali jew tjur.
[14]
Sabiex ikun aktar adattat, l-oratorju għandu jinbena f'nofs iċ-ċelel; fih, mas-sebħ, għandkom tinġabru kuljum, meta jkun possibbli, ħalli tisimgħu l-quddiesa.
[15]
Fil-Ħdud jew fi ġranet oħra, meta jkun meħtieġ, iddiskutu fuq l-osservanza ta' l-ordinament tal-ħajja u s-salvazzjoni ta' ruħkom, u fl-istess ħin in-nuqqasijiet u l-ħtijiet ta' l-aħwa, jekk jinstabu f'xi ħadd, jiġu kkoreġuti bl-imħabba.
[16]
Għandkom issumu kuljum, minbarra l-Ħdud, mill-festa ta' l-Eżaltazzjoni tas-Salib sa Ħadd il-Għid, sakemm il-mard jew id-dgħufija tal-ġisem, jew xi raġuni oħra ġusta, ma jitolbux li s-sawma tinkiser; għax il-bżonn ma għandux liġi.
[17]
Laħam la tiklux, jekk mhux bħala kura għall-mard u għan-nuqqas ta' saħħa. U billi ta' sikwit jeħtiġilkom tittalbu meta tkunu qegħdin tivjaġġaw, barra mill-kunvent tagħkom, tistgħu tieħdu ikel imsajjar bil-laħam biex ma tkunux ta' pis għal min jilqagħkom; fuq il-baħar tistgħu tieklu l-laħam ukoll.
[18]
Ladarba l-ħajja tal-bniedem fuq l-art hija ħajja ta' tiġrib u dawk kollha li jridu jgħixu tajjeb fi Kristu jsofru t-tbatija, u billi l-għadu tagħkom, ix-xitan, idur madwarkom bħal iljun jgħajjat, ifittex lil min jibla', għandkom tħabirku bl-akbar ħeġġa li tilbsu l-armi ta' Alla sabiex tistgħu żżommu sħaħ quddiem it-tnassis ta' l-għadu.
[19]
Ħażżmu ġenbejkom bil-ħżiem tas-safa; saħħu qlubkom bi ħsibijiet qaddisa għax hemm miktub: "Il-ħsieb qaddis iħarsek." Ilbsu l-kurazza tal-ġustizzja sabiex tħobbu lill-Mulej Alla tagħkom b'qalbkom kollha, b'ruħkom kollha u bil-ħila kollha u 'l-proxxmu tagħkom bħalkom infuskom. Żommu f'kollox it-tarka tal-fidi ħalli biha tkunu tistgħu titfu l-vleġeġ tan-nar kollha tax-xitan: għaliex mingħajr il-fidi ma jistax ikun li togħġbu 'l Alla. Xiddu f'raskom l-elmu tas-saħħa sabiex tistennew il-ħelsien mingħand il-Feddej waħdieni li jifdi l-poplu tiegħu minn dnubietu. Is-sejf tar-ruħ hu l-Kelma t'Alla; ħa tgħammar bil-kotra fil-fomm u fil-qalb tagħkom u kulma tagħmlu, agħmluh skond il-Kelma tal-Mulej.
[20]
Għandkom tagħmlu xi biċċa xogħol ħalli x-xitan isibkom dejjem mehdija, li ma jirnexxilux isib fil-għażż tagħkom xi daħla minn fejn jidħol f'ruħkom. Għandkom hawnhekk it-tagħlim kif ukoll l-eżempju ta' San Pawl Appostlu, li b'fommu kien jitkellem Kristu, u li nħatar u ngħata minn Alla bħala xandar u għalliem tal-fidi u tas-sewwa lill-ġnus u jekk timxu warajh ma jistax ikun li titqarrqu: "Meta konna fostkom," jgħid huwa, "lejl u nhar ħdimna u tħabatna u batejna biex ma nkunu ta' pis għal ħadd minnkom. Imxejna hekk mhux għaliex ma għandniex dritt li żżommuna intom, imma ridna nagħtukom eżempju biex timxu fuqu. Meta konna fostkom aħna ordnajnielkom li jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol. Issa aħna smajna li hemm xi wħud fostkom li qed jitgħażżnu; mhumiex jaħdmu, imma qed jinħlew fix-xejn. Lil dawn in-nies nordnawlhom u nwissuhom, f'isem Sidna Ġesù Kristu, biex jaħdmu bil-kwiet u għixienhom jaqilgħuh." Din it-triq hija qaddisa u tajba: imxu fiha.
[21]
L-Appostlu mbagħad jirrikkmanda s-skiet x'ħin amar li x-xogħol isir bil-kwiet; u kif il-Profeta jixhed: il-ħarsien tal-ġustizzja huwa s-skiet; u wkoll: fis-skiet u fit-tama tkun il-qawwa tagħkom.
Għalhekk nistabbilixxu li minn x'ħin tingħad il-kompjeta, iżżommu s-skiet sakemm tgħidu l-Prima ta' l-għada. Fil-ħinijiet l-oħra, għalkemm huwa permess li ma jkunx hemm ħarsien kbir tas-skiet, b'danakollu ta' min joqgħod attent mill-ħafna kliem żejjed għax kif hemm miktub u kif tgħallem l-esperjenza: "fil-kliem żejjed id-dnub ma jonqosx" u "min ipaċpaċ kif ġie ġie, iġarrab id-deni"; ukoll: "min jgħid wisq, jagħmel ħsara lil ruħu." U l-Mulej fl-Evanġelju jgħid: "Ta' kull kelma żejda li jgħidu l-bnedmin, iridu jagħtu kont tagħha f'jum il-ħaqq." Għalhekk, kull wieħed jagħmel miżien għal kliemu u jrażżan sewwa fommu li ma jmurx jiżloq minħabba f'ilsienu, u l-waqgħa ma jqumx minnha sal-mewt. Kull wieħed iħares mal-Profeta l-imġieba tiegħu ħalli ma jonqosx b'ilsienu u jfittex li, bir-reqqa u bl-attenzjoni josserva s-skiet li fih hemm il-ħarsien tal-ġustizzja.
[22]
U inti, ħija B[rokard], u kull min warajk jinħatar pirjol, żommu dejjem f'moħħkom u wettqu bl-għemil dak li l-Mulej jgħid fl-Evanġelju: "Kull min irid ikun il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom u kull min irid ikun l-ewwel fostkom, ikun l-ilsir ta' kulħadd."
[23]
Intom ukoll, l-aħwa l-oħra, weġġħu bl-umiltà lill-pirjol tagħkom waqt li ġġibu quddiemkom aktar milli lilu, lil Kristu li qiegħdu fuqkom u li jgħid lill-kapijiet tal-Knisja: "Min jisma' minnkom, jisma' minni; min imaqdar lilkom, imaqdar lili," sabiex ma jsirx ħaqq minnkom għax inqastu imma talli obdejtu jkun jistħoqqilkom il-ħlas tal-ħajja ta' dejjem.
[24]
Ktibnielkom dan fil-qosor billi tajniekom għamla ta' ħajja ħa timxu fuqha. Jekk xi ħadd jagħmel iktar minn dan, il-Mulej innifsu, meta jiġi għall-ħaqq, iħallsu; b'danakollu ta' min juża l-prudenza għax hi li tmexxi kull virtù.


Il-Kariżma tal-Karmelitani
KONTEMPLAZZJONI, FRATERNITÀ, APPOSTOLAT

Sa mill-bidunett tagħha, fil-Knisja dehru rġiel u nisa li fittxew jimxu wara Kristu u jsiru jixbħuh aktar mill-qrib b'ħajja mogħtija lil Alla bit-taħriġ tagħhom fil-kunsilli evanġeliċi. Kienu nsara li mdawlin mill-Ispirtu s-Santu taw bidu għall-ħajja reliġjuża, li mbagħad il-Knisja laqgħethom u approvathom bl-awtorità tagħha. Għalkemm illum fil-Knisja jeżistu bosta Ordnijiet u Kongregazzjonijiet tar-reliġjużi, ilkoll imwaqqfin għal xi skop speċifiku, fosthom insibu ħafna ħwejjeg li huma l-istess, bħal ngħidu aħna: il-wegħdiet tal-kastità konsagrata, tal-faqar u ta' l-ubbidjenza, it-talb liturġiku, it-tixrid tas-Saltna ta' Alla, kif ukoll li jgħixu flimkien f'għaqda ta' mħabba fraterna.
Fost l-Ordinijiet reliġjużi l-aktar magħrufa nsibu l-Agostinjani, id-Dumnikani, il-Ġizwiti, is-Sależjani, il-Franġiskani u l-Karmelitani. Il-Franġiskani huma maqsuma fi tliet Ordnijiet: Konventwali, Kapuċċini u Minuri, filwaqt li l-Karmelitani huma maqsumin fi tnejn: 1) l-Ordni Karmelitan imsejjaħ ta' l-Antika Osservanza (jiġifieri l-Ordni tal-bidu) bl-isem uffiċċjali L-Ordni ta' l-Aħwa ta' l-Imqaddsa Verġni Marija ta' l-Għolja tal-Karmelu, fil-qosor O.Carm., mill-kelmiet latini Ordinis Carmelitarum; u 2) l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi bl-isem uffiċċjali L-Ordni ta' l-Aħwa Skalzi ta' l-Imqaddsa Verġni Marija ta' l-Għolja tal-Karmelu, fil-qosor O.C.D., mill-kelmiet latini Ordinis Carmelitarum Discalceatorum. Dawn ta' l-aħħar huma magħrufa wkoll bħala t-Tereżjani, għall-fundatriċi tagħhom il-Karmelitana Santa Tereża ta' Ġesù. Għalkemm fil-passat ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ Ordnijiet kienu xi ftit diffiċli, fil-preżent għandna relazzjonijiet fraterni inkoraġġanti, imsaħħin b'laqgħat, attivitajiet u proġetti komuni kemm fuq livell nazzjonali u wkoll internazzjonali. Ta' min jgħid ukoll li barra dawn iż-żewġ Ordnijiet Karmelitani antiki, fil-Knisja jeżistu Kongregazzjonijiet oħra li jsejħu lilhom infushom Karmelitani għax jimxu fuq l-istess spirtu tal-Karmelu. Waħda minnhom, li f'Malta ma għandniex membri tagħha, hija l-Karmelitani ta' Marija Immakulata (CMI - Carmelites of Mary Immaculate) imwaqqfa fl-Indja fl-1831.
Wara l-Konċilju Vatikan II il-Knisja bdiet tħares lejha nfisha bħala poplu magħżul, bħala merħla żgħira, bħala ħmira f'għaġna kbira, bil-missjoni li twassal il-messaġġ tas-Saltna ta' Alla mxandar minn Ġesù Kristu. Bil-magħmudija aħna l-insara nsiru parti minn din il-Knisja u nibdew nieħdu sehem mill-missjoni tagħha. Permezz tal-kunsilji evanġeliċi (safa, faqar u ubbidjenza), ir-reliġjużi Karmelitani jintrabtu li jimxu wara Ġesù Kristu b'mod radikali, billi jitbattlu għal kollox minhom infushomm biex jimtlew b'Alla. F'din l-għotja sħiħa lill-Mulej, filwaqt li jħallu l-Ispirtu ta' Alla jmexxihom fejn irid hu, ifittxu li jiċċentraw ħajjithom fuq tliet valuri fundamentali:

a) jgħixu bla heda fil-preżenza ta' Alla (kontemplazzjoni)
Sa mill-bidunett, kif tixhed ir-Regula, l-aħwa tal-Karmelu għażlu li jimxu fuq għamla ta' ħajja kontemplattiva, kemm fl-istrutturi kif ukoll fil-valuri fundamentali tagħha. Din il-kontemplazzjoni tikkonsisti filli wieħed jinfetaħ għal Alla, li hu preżenti kullimkien u lest biex jiltaqa’ magħna, u jħallih jibdillu ħajtu f'waħda li taqbel mar-rieda tiegħu.

b) jgħixu u jibnu ħajja ta' aħwa bejniethom (fraternità)
Il-hajja komunitarja mfassla mir-Regula hija mibnija fuq l-ewwel komunità nisranija ta' Ġerusalemm. Il-Karmelitani, li kontinwament jgħixu fil-kontemplazzjoni, l-ewwel u qabel kollox 'l Alla jsibuh f'ħuthom stess. Imsaħħin mill-qawwa tiegħu huma jfittxu li jikbru flimkien u jaqsmu ma' xulxin il-valuri tal-fraternità f'kull mument ta' ħajjithom
.

c) jgħixu fost il-poplu u għall-qadi tiegħu (appostolat)

Mal-wasla tiegħu fl-Ewropa, l-Ordni Karmelitan beda jifforma parti mill-Ordnijiet Mendikanti, jiġifieri mill-Ordnijiet ta' ħajja evanġelika u appostolika. Bħala fraternità kontemplattiva, il-Karmelitani jsibu wkoll il-preżenza ta' Alla fil-bnedmin ta' madwarhom u fil-ġrajjiet tagħhom ta' kuljum. Għaldaqstant huma jħossuhom imsejħin biex bħal Kristu jwasslu l-Aħbar it-Tajba tas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha.
Hekk, ir-Regula Karmelitana, filwaqt li lil dawk li jħaddnuha u jgħixuha fuq l-eżempju ta' Elija u Marija tbiddlilhom ħajjithom u     r-relazzjonijiet tagħhom m'Alla u ma' ħuthom il-bnedmin, hija twassalhom biex jilħqu l-milja tagħhom fi Kristu.