Fil-laqgħat ikollna stejjer jew videos għad-diskussjoni, nitgħallmu niżvilluppaw il-personalità tagħna u kif nużaw tajjeb it-talenti tagħna, kif ikollna relazzjonijiet aħjar, kif naħdmu f’tim u jgħinuna nagħżlu x-xogħol u l-karriera li tgħodd għalina. Nitgħallmu crafts, kitarra, ħjata, u Ingliż għal min irid. F’kelma waħda fil-MUSEUM ningħataw edukazzjoni u formazzjoni li tiżvilluppa l-bniedem sħiħ.
Ikollna attivitajiet bejnietna kif ukoll ma’ tfajliet oħrajn minn Malta u Għawdex bħal live-ins, irtiri, camping, BBQ’s, baħar u ħruġ fil-kampanja. Fuq kollox, nitgħallmu nersqu lejn Alla permezz tat-talb u s-Sagramenti. Insibu wkoll min jismagħna u jtina kelma tajba. Nistieden lill-pre-adolexxenti u ż-żgħażagħ JIĠU U JARAW! Il-MUSEUM tal-bniet qiegħed f’108 Triq il-Kampanella.
Messaġġ mis-Superjura
L-iskop ta’ l-għaqda Museumina huwa - li nitgħallmu u ngħallmu u li nitqaddsu aħna u ngħinu oħrajn jitqaddsu. Din kienet ix-xewqa tal-fundatur tagħna l-Qaddis Malti bħalna San Ġorġ Preca
Fil-Museum isir katekeżi lit-tfal mill-klassi ta’qabel l-Ewwel Tqarbina sa l-aħħar sena tal-Griżma ta’ l-Isqof. Il-gruppi huma mqassmin kif ġej: It-Tnejn / Il-Ħamis u L-Erbgħa / Il-Ġimgħa, mill-5.30pm – 6.15pm.
Il-qasam jkun miftuħ kuljum fil-5.00pm biex it-tfal jistgħu jiġu ftit ħin qabel biex jilgħabu u jintegraw flimkien.
Fuq bażi regolari jkollna l-laqgħat ta’ tfajliet minn Form 2 ’l fuq. Dawn ikunu mis-6.30pm – 7.15pm.Kull nhar ta’ Sibt jkunu mistiedna t-tfajliet minn Form 1 ’l fuq. Dawn ikollhom xi attività differenti minn dik ta’ matul il-Ġimgħa, kif ukoll ikollhom il-prova tal-kant u tal-kitarra bi preparazzjoni għal Quddiesa tal-Ħadd. Ikollhom ukoll ħin ta’ rikrejazzjoni – Il-ħin ikun mis-6.30pm – 8.30pm. Xi drabi nżommuhom anke sad-9.00pm.
Nhar ta’ ħadd niltaqgħu għal-Quddiesa tad-9.00am u wara jkollna Bible Sharing fil-Museum.
Filgħaxija noħorġu għal ħin ta’ rikrejazzjoni fejn nilgħabu u nissoċjalizzaw flimkien kbar u żgħar bħala familja waħda.Matul is-sena Kateketika jkollna laqgħat għal adulti fejn nistiednu lil ġenituri tat-tfal fi gruppi, skont l-età tat-tfal.
Fuq bażi regolari aħna l-membri niltaqgħu għal siegħa tagħlim kuljum biex permezz t’hekk Kristu jkun magħruf u maħbub. Aħna nemmnu bil-qawwa li t-tagħlim huwa l-għajn ta’ kull ġid, kif dejjem kien iħobb jirrepeti l-għażiż fundatur tagħna San Ġorġ Preca.
Inħeġġeġ lil tfajliet adolexxenti u żgħażagħ biex jiġu l-Museum u jagħmlu esperjenza tal-ferħ veru li jaf jagħti Kristu!
Il-Paċi magħkom
Is-superjura
Nicholina Micallef