Il-Knisja u l-Kunvent tal-Fgura
Id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu fil-Fgura ilha minn ħafna qabel ma daħlu l-Karmelitani f' dan ir-raħal. Fil-bidu kien hemm niċċa, tal-Madonna tal-Karmnu, iżda fl-1790, is-Sur Klement Busuttil bidel din in-niċċa fi Knisja bi spejjez tiegħu.
Il-Knisja l-Anitka fl'1790
Din il-Knisja ġiet mibnija f'nofs
it-triq bejn Ħal-Tarxien, Raħal Ġdid, Bormla u Ħaż-Żabbar, u kienu
jgħidulha tal-Fgura, biex jirreferu għax-xbiha (Figura, Fgura) tal-Madonna.
Il-qima li kienu jagħtuha missirijietna kienet tant kbira li Dun
Salv Busuttil li kien in-neputi ta' l-ewwel benefattur iddeċieda li
jħottha u jkabbarha. Fl-1844 ittellgħet mill-ġdid mill-imgħallem
Indri Vassallo u ġiet imbierka solennement fit-13 ta' Dicembru 1854,
minn Mons . Vigarju Ġenerali Dun Vinċenz Chapelle, megħjun minn
bosta qassisin. Din il-Knisja kellha artal wieħed, u fit-Tieni
Gwerra Dinjija ġarrbet xi ħsarat u wara li ġiet irranġata. Fl-1956
ġarrfuha biex tagħmel wisgħa għal triq, li kienet se tinfetaħ minn
ġo fiha. Bħala tifkira ġie mibni salib fil-post fejn kienet din l-ewwel
Knisja iddedikata lill-Madonna tal-Karmnu.
Il-Komunità tal-patrijiet Karmelitani marret fil-Fgura fl-14 ta'
Diċembru 1945. L-ewwel patrijiet kienu Patri Tarcisju Licari, Patri
Redent Gauci, Patri Gwann Caruana u Fra Romeo Bezzina.
L-ewwel Patrijiet li ġew il-Fgura
Dawn la kellhom kunvent u lanqas
Knisja. Għalhekk bħala Kunvent krew dar numru 7 fi Triq San Xmun u
bħala knisja talbu li jiffunzjonaw fil-Kappella iddedikata lill-Madonna
tal-Karmnu magħrufa bħala tal-Fgura. Din il-Knisja kienet propjeta
tal-familja Busuttil, u l-aħħar rettur tagħha kien is-Sur Etilvoldo
Busuttil, li għat-talba tal-Provinċjal Pietru Dimech aċċetta
bil-ferħ li jislef il-knisja għas-servizz tal-patrijiet. Il-Provinċjal
talab ukoll il-permess ta' l-Arċisqof u tah b'digriet tal-Kurja
Arċiveskovili tal-14 ta' Diċembru 1963.
Il-Knisja kienet żgħira għall-popolazzjoni li kienet dejjem qed
tiżdied u d-dar li kienu qed jużaw bħala kunvent kienet skomda u
nieqsa mill-affarijiet meħtieġa. B'hekk inħass il-bżonn li ssir
knisja kbira u kunvent sewwa. Il-Providenza ħasbet għal dan, għaliex
il-gabillott Anġlu Camilleri u martu Marjanna offrew minn jeddhom
għalqa minn tagħhom mhux bogħod mill-knisja fuq in-naha ta' Raħal
Ġdid. L-att tas-suċċessjoni sar quddiem in-nutar Dr Carmelo G.Vella
fl-14 ta' Settembru 1946. Biex ix-xogħol jibda malajr il-Provinċjal
Patri Ġorġ Borg qabbad lill-Kavallier Ġużè D'Amato biex jagħmel
il-pjanta u jesegwixxi x-xogħol tal-Knisja u tal-Kunvent. Il-pjanta
tagħha hija ta' stil modern u qabel iċċekknet biex tagħmel wisa'
għall-Knisja l-ġdida, kellha għamla ta' salib b'106 piedi tul mill-faċċata
tal-kor sal-bieb ta' barra, wiesgħa 23 pied u l-kappelluni u l-kor
huma fondi 12-il pied. Minflok il-Koppla kella saqaf ċatt elevat fuq
tambur kwadru u mdawwar bit-twieqi.
L-ewwel ġebla tal-Knisja mqiegħda mill-Arċisqof Gonzi fil-11 ta' Diċembru 1948
L-ewwel ġebla tagħha tqiegħdet
mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fil-11 ta' Diċembru 1948. Il-parrinijiet
kienu Anġlu Camilleri, id-donatur ta' l-art li fuqha kellha tinbena
l-knisja u Sir Paul Boffa M.D., Prim Ministru ta' Malta . Preżenti
wkoll kien hemm il-provinċjal Patri Ġorġ Borg u bosta patrijiet
Karmelitani. L-imgħallem tal-ġebel kien Guzeppi Debono. F'Novembru
ta' l-1949, il-patrijiet Karmelitani marru fil-Kunvent il-ġdid u 19
ta' Novembru ta' l-1950 saret iċ-ċerimonja tat-tberik tal-knisja l-ġdida,
mill-Arcisqof Mikiel Gonzi, fil-preżenza tal-Provinċjal Patri
Bernard Farrugia u l-Prim Ministru Dr Enrico Mizzi. F'din l-istess
okkazzjoni ġie mbierek ukoll il-kwadru ta' l-artal maġġur magħmul u
rregalat mill-pittur Ġużeppi Bonnici Calì.
Fis-26 ta' Novembru sar it-trasport solenni tal-vara l-antika mill-Knisja
l-Qadima għall-knisja l-ġdida. Din il-vara kienet rigal tas-Sur
Antonio Cubo. L-istatwa li naraw illum hi ta' l-injam u nħadmet
f'Bolzano, l-Italja fl-1960
L-ewwel Statwa ħierġa mill-Knisja l-Qadima
Fil-21 ta' Jannar 1965 din
il-knisja ġiet imwaqqfa bħala Parroċċa mill-Arċisqof Gonzi
bil-limiti meħudin minn Ħaż-Żabbar, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid. F'din
il-knisja kien hemm diversi pitturi fosthom dak tal-mewt ta' San
Ġużepp, ta' Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u l-Qalb ta' Marija. L-istatwa
ta' San Ġuzepp saret mis-Surmast Ġuzeppi Caruana minn Bormla.
Ħames snin wara li l-patrijiet kienu ħelsu mid-djun li kellhom
għall-bini tal-Knisja u tal-Kunvent, bdew jaraw li l-Knisja kienet
saret żgħira minħabba li l-poplu kompla jikber u kienu twaqqfu aktar
komunitajiet ġodda. Għalhekk il-patrijiet malajr bdew jaħsbu biex
jibnu Knisja oħra akbar li tkun taqdi aħjar il-ħtiġijiet tal-lokal.
Huma malajr sabu l-inkoraġġament, għax Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi
wegħdhom li jgħinhom finanzjarjament. Il-pjanta ħażżiżha l-Perit
Victor Muscat Inglott li kien megħjun mis-Sur Karm Parascandolo.
Biex jieħu ħsieb ix-xogħol tal-knisja ingħażel l-Arkitett Godfrey
Azzopardi, li dan flimkien mal-kumpanija Cementstone bdew ix-xogħol
fit-2 ta' Jannar 1976.
L-istil tal-Knisja huwa modern u oriġinali b'saqaf li jgħatti aktar
minn 370 pied kwadru mibdi mill-art u miżmum biss minn erba' ponot.
Din il-knisja tbierket fil-25 ta' Mejju 1988 u ġiet ikkonsagrata
minn Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca fl-1 ta' Frar 1990.
Mill-1990 sal-lum ġew magħmula diversi opri ġodda fil-knisja...
Agħfas hawn biex terġa titla' fuq
Il-Kappillani tal-Fgura minn kemm ilha Parroċċa
P.
Timotju Azzopardi, O.Carm. (Kapp. 1965 - 1979)
P.Timotju
Azzopardi O. Carm., twieled Ħal-Luqa fit-13 ta' Ottubru 1926. Studja
fl-Iskola Primarja tal-Lokal, fil-Kulleġġ De la Salle, u fl-Iskola
ta' l-Apprentisti fid-Dockyard. Fl-1945 ħaddan l-Ordni Karmelitan.
Sena wara pprofessa. Ġie ordnat Saċerdot fl-1952.
Kellu ħajra kbira għall-muzika, u għalhekk kompla jistudja b'suċċess
u akkwista Ċertifikat mill-London College of Music u mir-Royal
School of Music ta' Londra. Imbagħad akkwista Liċenzjat mill-Istitut
Pontifiċju tal-Mużika Sagra ta' Ruma. Kien ukoll Organista Uffiċjali,
Direttur tal-Kor, Surmast ta' l-Istudenti Karmelitani, Prefett ta'
l-Istudenti, Prokuratur tal-Missjonijiet Karmelitani, Direttur
Provinċjali tal-Vokazzjonijiet, u Għalliem fil-Kullegg Mount Carmel
u f'diversi Skejjel ta' l-Istat.
Ġie maħtur bħala l-ewwel Kappillan tal-Parroċċa tal-Fgura fl-1965,
malli l-Fgura saret Parroċċa. Dam f'din il-kariga sal-1979.
P. Leonard Mahoney, O.
Carm.(Kapp. 1979 - 1982)
P. Leonard Mahoney, O. Carm., twieled l-Isla fit-12 ta' Novembru
1932. Huwa għamel l-Ewwel Professjoni tiegħu fl-14 ta' Ottubru 1951,
u dik Perpetwa tliet snin wara. Ġie ordnat Saċerdot fil-21 ta'
Settembru 1957.
Huwa studja t-Taljan f'Perugia, l-Italja. Kien Direttur tal-Legion of Mary
u għalliem fil-Kulleġġ Mount Carmel . Diversi drabi kien Kunsillier
tal-Provinċjali.
Kien ukoll Kappillan tal-Balluta. Inħatar Kappillan tal-Fgura fl-1979, u
dam sal-1982. Wara nħatar Provinċjal ta' l-Ordni.
P. Guido
Micallef, O.Carm. (Kapp. 1982 - 1991)
P. Guido Micallef, O.Carm., twieled il-Ħamrun, fid-19 ta'
Mejju 1940. Huwa għamel l-Ewwel Professjoni tiegħu fis-17 ta'
Settembru 1959, u dik Perpetwa tliet snin wara. P. Guido ġie ordnat
Saċerdot fit-3 ta' April 1965.
Huwa kien Assistant Ekleżjastiku tax-Xebbiet f'Santa Venera u
għalliem fil-Kulleġġ Mount Carmel , kif ukoll Direttur tat-Terz'Ordni
fil-Balluta.
P. Guido Micallef kien Kappillan tal-Fgura bejn l-1982 u l-1991.
P. Amadeo
J. Zammit, O.Carm. (Kapp. 1991 - 1997)
P.
Amadeo J. Zammit, O.Carm., twieled l-Imsida fit-28 ta' Frar 1938.
Ħaddan l-Ordni Karmelitan fl-1957, u pprofessa solennement fl-1961.
Ġie ordnat Saċerdot fl-1964.
Tul il-ħidma saċerdotali tiegħu P. Amadeo okkupa l-kariga ta'
Assistent tal-Provinċjali, Pirjol tal-Komunità ta' Fleur-de-Lys,
Surmast ta' l-Istudenti, għalliem fil-Kulleġġ Mount Carmel , Editur
tar-Rivista 'il-Karmelu' u Kunsillier tal-Provinċja. Ħadem ukoll
fil-Komunitajiet ta' l-Imdina, San Ġiljan, Sta. Venera, u
Fleur-de-Lys. Kien ukoll Direttur tad-Dar tat-Talb, il-Lunzjata, ir-Rabat.
Fl-1975 inħatar l-ewwel Kappillan tal-Parroċċa ta' Fleur-de-Lys, dam
Kappillan sal-1982. Inħatar Kappillan tal-Fgura fl-1991 u dam
sal-1997 meta sar Provinċjal tal-Ordni.
P. Joe
Saliba, O.Carm. (Kapp. 1997 - 2006)
P.
Joe Saliba, O.Carm, twieled Birkirkara fl-24 ta' Marzu 1955, Wara li
temm l-istudji tiegħu fl-iskejjel tal-Gvern, fl-1973 issieħeb ma' l-Ordni
Karmelitan. Wara n-novizzjat u l-istudji tal-Filosofija u t-Teologija
fl-INSERM, fl-1979 għamel il-Profesjoni Solenni. Fis-6 ta' Lulju
1980, ġie ordnat Saċerdot u ntbagħat Ruma jistudja l-Ispiritwalità
fl-Università Pontifiċja tat-Teresianum minn fejn ħa l-liċenzjat.
Fl-1988 huwa ħa l-Baċellerat fl-Edukazzjoni mill-Università ta'
Malta .
Tul il-ħidma saċerdotali tiegħu, kien għalliem u Rettur għal żmien
fil-Kulleġġ Mount Carmel, għalliem tat-Teoloġija Spiritwali
fl-INSERM, editur tar-rivista 'il-Karmelu', direttur tat-Terz'Ordni
Karmelitan u direttur provinċjali tal-vokazzjonijiet. Huwa ħadem
fil-Parroċċi ta' Fleur-de-Lys, Sta. Venera, u tal-Balluta,
maż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, mal-Legion of Mary, u ma l-Azzjoni
Kattolika, mal-Grufan u mal-Mixja Neo-Katekuminali. Kien ukoll
direttur tad-Dar tat-Talb il-Lunzjata ir-Rabat.
Fil-15 ta' Ġunju 1997, inħatar Kappillan tal-Fgura u dam sal-2006.
P. Joe
Vella,O.Carm. (Kapp. 2006 - 2009)
Patri
Joe Vella O. Carm twieled il-Fgura fis-7 ta’ Awissu 1958. Huwa daħal
fl-Ordni Karmelitan fejn ipprofessa solenni fid-29 ta’ Ġunju 1981.
Fit-3 ta’ Lulju 1982 ġie ordnat saċerdot. Meta kien fil-kunventi ta’
Fleur-de-Lys u Santa Venera, kien jgħallem f’St. Elias College u
kien jieħu ħsieb diversi għaqdiet. Bejn is-snin 1991 u 2003 kien
Kappillan tal-Parroċċa ta’ Santa Venera. Mill-2003 kien jifforma
parti mill-komunità karmelitana tal-Fgura. Inħatar Kappillan tal-
Fgura fl-24 ta' Mejju 2006.
P. Renald
Lofreda, O.Carm. (Kapp. 2009 -2016 )
Patri
Renald Lofreda O.Carm twieled nhar id-9 ta’ Settembru 1978 minn John
u Mary nee Mallia u tgħammed fil-parroċċa ta’ San Gejtanu l-Ħamrun. Hu
għadda ħafna żmien fil-parroċċa ta’ Santa Venera fejn kien abbati
għal bosta snin u hemm sar jaf lill-patrijiet Karmelitani.
Daħal mal-Karmelitani bħala pre-novizz fit-23 ta’ Settembru 1996 u
għamel in-novizzjat f’Pisa, l-Italja bejn Awissu 1998 u Settembru
1999. Fl-1 t’Ottubru ta’ l-istess sena għamel il-professjoni
sempliċi fl-Ordni Karmelitan. Matul is-snin tal-formazzjoni lesta l-istudji
tiegħu tal-filosofija u t-teoloġija fl-Università ta’ Malta. Fis-17
ta’ Settembru 2002 P.Renald għamel il-Professjoni Solenni u fit-13
t’Ottubru ta’ l-istess sena ġie ordnat djaknu fil-parroċċa
taż-Żejtun. Ġie ordnat saċerdot fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann mill-Arċisqof
Ġużeppi Mercieca nhar l-20 ta’ Ġunju 2003.
Wara li kiseb il-Liċenzjat fit-teoloġija fl-Università ta’ Malta,
ntbagħat jistudja l-liturġija fl-Università Pontifiċja St. Patrick’s
College, f’Maynooth fl-Irlanda. Fl-istess żmien huwa għex
fil-komunità Karmelitana ta’ WhiteFriars fiċ-ċentru ta’ Dublin.
L-ewwel esperjenza pastorali tiegħu kienet fil-parroċċa tal-Fgura
fejn ħadem ħafna ma’ l-Għaqda ta’ l-Abbatini u fil-Kummissjoni
Liturġika Parrokkjali. Kien ukoll Viċi Direttur u aktar tard
Direttur tal-Vokazzjonijiet Karmelitani. F’dawn l-aħħar tliet snin
ta s-servizz pastorali tiegħu bħala viċi fil-parroċċa tal-Fgura fejn
kien ukoll responsabbli miż-żgħażagħ tal-festa u mill-abbatini. Fl-istess
ħin ta servizz lill-Provinċja Karmelitana Maltija bħala ċeremonjier
tal-Provinċjal, direttur spiritwali u għalliem tar-reliġjon f’St.
Elias College immexxi mill-Karmelitani. Kien ukoll direttur
spiritwali ta’ l-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria taż-Żurrieq.
Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Mejju 2009 Mons. Pawl Cremnona O.P.
Arċisqof ta’ Malta ħatar lil Patri Renald kappillan tal-Fgura. Hu
beda jamministra l-parroċċa mill-1 ta’ Ġunju 2009 fil-waqt li nhar
il-Ħadd 5 ta’ Lulju ta’ bidu uffiċċjali għall-ħidma pastorali tiegħu
ta’ kappillan waqt ċelebrazzjoni mmexxija mill-Arċisqof.
P.
Raymond Calleja , O.Carm. (Kapp. 2016 - )
P.
Raymond Calleja twieled nhar it-3 ta’ Ġunju 1954 minn Pawlu u Ġuża
Calleja. Huwa l-ewwel wild fost erba’ ulied.
Tgħammed fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu il-Ħamrun. Huwa
daħal fl-Ordni Karmelitan fl-1973 u għamel in-novizzjat ġewwa
l-kunventi tal-Belt u ta’ Fleur de- Lys. Fid-9 ta’ Settembru
tal-1976 għamel l-professjoni sempliċi u dik solenni fit-3 ta’ Lulju
1979. Fl-istess xahar huwa ġie ordnat djakunu u fis-6 ta’ Lulju
tal-1980 ġie ordnat saċerdot.
Fil-ħajja tiegħu bħala Karmelitan, P. Raymond
qeda’ diversi
uffiċċji fosthom dak
ta’ direttur tal-vokazzjonijiet, direttur ta’ diversi fergħat
tat-terzjarji karmelitani kif ukoll direttur provinċjali
tat-Terzjarji Karmelitani.
Huwa kien ukoll kunsillier tal-provinċjal, kif ukoll kappillan
tal-Parroċċa tal-Balluta u Pirjol tal-Komunità tal-Parroċċa ta’
Santa Venera. Apparti dawn l-uffiċċji ma jonqosx is-servizz li ta u
għadu jagħti f’diversi djar tal-anzjani. Wara l-Kapitlu Provinċjali
li sar f’April 2012 P. Raymond beda
jifforma parti
mill-komunità
tal-Fgura. F’Ottubru tal-2016 il-Provinċjal P. Alexander Vella O.
Carm għażlu biex ikun kappillan tal-parroċċa tagħna.
Agħfas hawn biex terġa titla' fuq
Il-Pirjoli li mexxew il-Kunvent tal-Fgura mill-1945 'il hawn.
R.P. Tarcis Licari O.Carm. | 1945 - 1946 | |
R.P. Anastasio Caruana O.Carm. | 1946 - 1949 | |
R.P. Romeo Grech O.Carm. | 1949 - 1950 | |
R.P. Leone Buhagiar O.Carm. | 1950 - 1952 | |
R.P. Anselmu Chircop O.Carm. | 1952 - 1955 | |
R.P. Pawl Gatt O.Carm. | 1955 - 1958 | |
R.P. Klement Caruana O.Carm. | 1958 - 1964 | |
R.P. Marjan Farrugia O.Carm. | 1964 - 1967 | |
R.P. Damian Cachia O.Carm. | 1967 - 1970 | |
R.P. Timotju Azzopardi O.Carm. | 1970 - 1976 | |
R.P. Mawrizju Mizzi O.Carm. | 1976 - 1982 | |
R.P. Frans Mifsud O.Carm. | 1982 - 1985 | |
R.P. Nazju Axisa O.Carm. | 1985 - 1988 | |
R.P. Kilian Azzopardi O.Carm. | 1988 - 1991 | |
R.P. Samuel Abela O.Carm. | 1991 - 1994 | |
R.P. Kilian Azzopardi O.Carm. | 1994 - 1998 | |
R.P. Herman Duncan O.Carm. | 1998 - 2006 | |
R.P. Mawrizju Mizzi O.Carm. | 2006 - 2009 | |
R.P. Herman Duncan O.Carm. | 2009 - 2015 | |
R.P. Renald Lofreda O.Carm. | 2015 - 2016 | |
R.P. Raymond Calleja O.Carm. | 2016 - | |
Agħfas hawn biex
terġa titla' fuq