Parroċċa Madonna tal-Karmnu - Fgura
"U meta nintrefa' 'l fuq mill-art, jien niġbed il-bnedmin kollha lejja." Ġw. 12,32.

GĦAQDIET

Abbatini

Żur il-Website tagħna hawnhekk: http://www.freewebs.com/abbatinifgura/

Nistgħu ngħidu li kwazi f’kull parroċċa f’Malta u Għawdex insibu grupp sabiħ ta' abbatini li l-għan ewlieni tagħhom huwa s-servizz waqt iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li jsiru fil-knejjes tagħna. Il-Papa Pawlu VI kien sejjaħ lill-abbatini "kuruna ta' fjuri" li jżejjnu l-altar.

Fil-parroċċa tal-Fgura wkoll insibu grupp sabiħ ta' abbatini li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn seba' snin sa tmintax-il sena. Il-grupp bħalissa fih ftit aktar minn 65 abbati li lkoll jattendu għas-servizz u l-laqgħat ta’ formazzjoni b'mod regolari.

L-għanijiet principali ta' dan il-grupp huma:

·          Is-servizz waqt iċ-ċelebrazzjonijiet liturgiċi fil-knisja

·          Formazzjoni nisranija u anki Karmelitana

·          Ħidma vokazzjonali

L-abbatini tagħna jagħtu s-servizz tagħhom matul il-ġimgħa kollha, kulħadd skond kif ikun imissu, u jagħtu s-servizz tagħhom kollha flimkien fil-quddiesa tas-6.30pm kull nhar ta' Erbgħa, il-quddiesa tat-8.00am kull nhar ta' Ħadd u fiċ-­ċelebrazzjonijiet ewlenin ta' matul is-sena bħall-Għid, il-Milied u l-festa tal­-parrocca.

Darba fil-ġimgħa, ġeneralment nhar ta' Sibt, l-abbatini jiltaqgħu ilkoll flimkien fiċ-Ċentru Parrokkjali fejn ikollhom laqgħa ta' formazzjoni fuq suġġetti varji u anki jilgħabu ftit flimkien.  Issir laqgħa għall-abbatini ż-żgħar wara l-quddiesa tat-8:30am u ohra ghall-kbar fil-11:00am.  Ghal dawn il-laqghat ta’ formazzjoni ghadu kemm tfassal programm shih ta’ tliet snin ta’ formazzjoni ghall-abbatini taghna li jinkludi formazzjoni liturgika, umana, spiritwali u vokazzjonali. Bħala parti mill­-formazzjoni ta' l-abbatini nsibu wkoll il-publikazzjoni tal-fuljett "Nixxiegħa ta , ilma bnin u safi " li jkun fih kitbiet ta' interess u informattivi mill-abbatini stess.

Ma' dawn l-inizjattivi nsibu wkoll attivitajiet oħra li jsiru minn żmien għal żmien bħal hikes, ħarġiet, tournaments tal-football, attivitajiet Sajfin bħal baħar, BBQ u xi ftit jiem Għawdex għall-abbatini l-kbar, plays fi żmien il-Milied, il-wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa u ħafna affarijiet oħra.

Bla dubju jum importanti fil-kalendarju ta' l-abbatini huwa dak tal­-vestizzjoni fejn l-abbatini l-ġodda jwiegħdu s-servizz u l-imħabba tagħhom lil Gesù u jitlibbsu l-ilbies ta' abbatini fuq l-altar. Matul is-snin kellna wkoll numru sabiħ ta' abbatini li taw is-servizz tagħhom fil-Bażilka ta' San Pietru ġewwa Ruma.

Bhalissa l-Abbatini tagħna huma mmexxija mill-assistant kappillan Patri Renald Lofreda O.Carm.  Bhala vici direttur insibu lil Jareth Mark Grima.  Bla dubju il-ħidma u l­organizzazzjoni jridu jinqasmu biex isiru tajjeb għalhekk għal dan il-għan hemm ukoll il-prefett Edward Mifsud, u l-vici–prefetti Michael Debono, Alvin Vassallo  u Adrian Vassallo. Membri oħra fit-tmexxija huma Dylan Seychell u Jonathan Mizzi. Kull wieħed minn dawn jieħu ħsieb ħidma partikulari fi ħdan l-għaqda ta' l-abbatini u għandu d-dmir li jkun ta’  eżempju u mudell għall-abbatini l-oħra.

Hamsa u sittin abbati huma numru tassew sabiħ imma żgur li nieħdu gost jekk ikollna aktar. Għalhekk jekk inti tixtieq li tingħaqad ma' dan il-grupp jew inkella jekk inti omm jew missier li qiegħed taqra din il-kitba u qiegħed taħsibha biex tħajjar lit-tifel tiegħek, aħna nilqgħuk bil-ferħ. Jistghu isiru abbatini is-subien li jkunu għamlu l-ewwel tqarbina.

Jekk inti interessat kellem lil Patri Renald jew inkella lill-Kappillan.

 

Agħfas hawn biex tmur lura fil-Lista ta' l-Għaqdiet