Parroċċa Madonna tal-Karmnu - Fgura
"U meta nintrefa' 'l fuq mill-art, jien niġbed il-bnedmin kollha lejja." Ġw. 12,32.

GĦAQDIET

Il-KOR “INFAĦĦRU LIL MARIJA”

Il-Kor parrokkjali “Infahhru lil Marija” ilu mwaqqaf mill-1975 u kellu bħala l-ewwel surmast direttur tiegħu lil Patri Marcellin Scicluna O.Carm.  Wara Patri Marcellin daħal is-Sur Joe Flask u warajh is-Sur John Chetcuti.  Għal żmein twil il-kor għadda taħt it-tmexxija għaqlija u mimlija dedikazzjoni ta’ P.Mario Enriquez O.Carm li l-Mulej sejjaħlu għal għandu f’Ġunju 2006.  Is-Surmast Josef Bugeja kien is-suċċessur ta’ P.Mario imma kellu jieqaf mill-ħidma tiegħu wara sentejn u minfloku daħal is-Surmast Joseph Galea.  Fil-preżent il-Kor huwa mmexxi mis-Surmast Simon Ellul u bhala organista ghandu lil Jessica Psaila


Il-kor huwa kompost minn 35 membru ta’ etajiet varji.  F’dawn l-ahhar 25 sena l-Kor ta sehmu f’diversi okkazjonijiet f’Parrocci oħrajn, waqt Festi Titulari kif ukoll f’Quddies Solenni. Deher l-ewwel darba fuq it-Television lokali fl-1986, u nstema’ fuq ir-radju RTK bosta drabi.  Barra minn hekk il-Kor ha sehem f’kunċerti u festivals tal-korijiet fosthom f’Ħal-Safi, l-Isla, San Alwiġi, f’Wied il-Għajn u l-Belt Valletta.

Il-Kor jiltaqa’ għall-kunċerti nhar ta’ Tlieta bejn is-7.00 u t-8.00 ta’ filgħaxija. F’dawn il-kunċerti l-kor mhux biss jipprepara għall-funzjonijiet li jkunu resqin iżda jipprepara ukoll għal xi okkażjonijiet speċjali tal-parroċċa u anki barra minnha.  Bosta drabi ta s-servizz tiegħu f’tiġijiet, primi messi, ordinazzjonijiet u bosta ċelebrazzjonijiet oħra kemm fil-parroċċa u anki f’postijiet oħra.
Bla dubju l-kor huwa mfaħħar għall-esekuzzjonijiet mill-isbaħ li jagħti fil-jiem tal-festa meta jkanta l-kompożizzjonjiet tas-Surmastrijiet Ronci, Amatucci u mhux l-inqas dawk ta’ P. Mario Enriquez.   Il-Kor għandu wkoll kumitat illi jieħu ħsieb li, barra li jgħin lid-Direttur fix-xoghol tieghu, jorganizza attivitajiet kulturali u ta’ divertiment għall-membri u ħbieb tagħhom.
Il-kumitat joħroġ fuljett ghall-membri tiegħu darba kull xahrejn fejn jitnizzlu l-impenji tal-Kor u jinghata taghrif ġenerali ieħor.

Mro Simon Ellul
Is-Surmast tal-Kor Parrokkjali
Infaħħru lil Marija

Mro Simon Ellul   AMusLCM

Simon Ellul twieled fis-17 ta’ Mejju 1971. Beda jistudja l-mużika minn eta’ żgħira mal-Banda San Ġorġ ta’ Bormla u studja s-Saxophone Alto taħt id-direzzjoni tas-surmast Carmelo Vella. Huwa kompla l-istudji tiegħu mas-Surmast Ray Sciberras FLCM u studja t-tejorija, l-armonija u l-kontrapunt u akkwista d-diploma tal-Associateship (AMusLCM) mill-kulleġġ tal-Mużika ta’ Londra. Mal-istess surmast studja wkoll l-orkestrazzjoni u l-Fuga u segwa wkoll kors fil-kompożizzjoni.

Fost il-kompożizzjonijiet tiegħu wieħed isib varjetà ta’ xogħol mużikali bħall- ‘Due Amici’ għall-Klarinett u Saxophone Alto, ‘Preludju’ għall-Pjanu, Kwartet u Kwintet għall-strumenti tal-korda, ‘Water Fall’ għall-strumenti tar-ramm, ‘La Bella Compannia’ Kwartett tas-Saxophones, ‘Baptism of Fire’, ‘Exaltatio Crucis’ u ‘The Legend’ għall-Banda, fost oħrajn.  Il-kompożizzjoni ‘The Legend’ kienet ukoll esegwita l-Awstralja mill-baned tal-Maltin ta’ Melbourne. Simon kiteb ukoll diversi arranġamenti mużikali għall-banda, arranġamenti tal-Milied u larghetto għall-Orkestra. Kiteb ukoll Salve Regina għall-Pjanu, Flawt u vuċi li tinsab fil-Parroċċi ta’ Marija Immakulata - Bormla u Madonna tal-Karmnu - Fgura. Kiteb ukoll għadd ta’ marċi brijjużi u funebri li wħud minnhom qiegħdin fuq diversi cd’s, bil-marċ funebri Mater Misericordiae jingħazel biex jindaqq mill-banda V.Bellini ta’ Sqallija.

Simon jaħdem bħala Apple Certified Computer Technician ma’ iCentre. Huwa miżżewweġ lil Rachelle u għandhom tifla, Maria.

 

                           

        

KUMITAT:
Presidenti Onorarji:
Rev. P. Hermann Duncan O.Carm. Pirjol
Rev. P. Renald J.M. Lofreda O.Carm. S.T.L Kappillan

Direttur Spiritwali:
Rev. P. Renald J.M. Lofreda O.Carm. S.T.L Kappillan

Surmast Direttur:
Mro. Simon Ellul AMusLCM

Assistent Direttur:
Melanie Spiteri

Organista:
Jessica Psaila

President:
Bernardette Caruana

Segretarja:
Carmen Axisa

Kaxxiera:
Marion Grima

Arkivista: 
Lara Camilleri

Membri:
Horace Cachia
Irene Dalli
Mary Debono
Grace Magro
Evelyn Vassallo


 

 

Tislima lil Parti Mario Enriquez O.Carm
Direttur tal-Kor Parrokkjali - “Infaħħru lil Marija
mill-1990  sal-2006

Patri Mario Enriquez O.Carm ġie msejjaħ għal għand il-Mulej, nhar il-Ħamis, 22 ta’ Ġunju 2006.   P. Mario kien ilu Surmast Direttur, kif ukoll Direttur Spiritwali tal-kor għal sittax il-sena.  Barra d-direzzjoni tal-kor, P.Mario kellu talent kbir għal dik li hi kompożizzjoni ta’ mużika sagra, u huma ħafna l-quddies u kant liturġiku li ħarġu mill-pinna tiegħu.

Il-kor ‘Infaħħru lil Marija’ kien wisq għal qalbu u kien dejjem jaħseb u jara x’jista’ jgħallem lill-koristi tiegħu biex dejjem ikabbar ir-repertorju tal-kor.  Kellu dedikazzjoni u paċenzja kbira biex jgħallem biċċiet tal-mużika ġodda, jew li jkun kiteb hu stess, jew ta’ kompożituri oħra.  Kien iħeġġeġ lill-membri biex il-kor jieħu sehem f’kunċerti, f’diversi lokalitajiet f’Malta, u jaqsam t-talenti tiegħu ma’ korijiet oħra. Il-kunċerti li P.Mario kien ipprepara l-kor għalihom, ma kienux biss dawk ta’ kant sagru, imma ukoll kunċerti ta’ mużika kontemporanja.

L-umiltàu s-sempliċità ta’ P.Mario kienu l-ewwel li jolqtuk fih. Kien bniedem li dejjem ħadem fis-skiet u l-ħafna xogħol li kien jagħmel deher mat-telfa tiegħu.

Minn qalbna ngħidulu grazzi tal-paċenzja li ħa bina waqt il-kunċerti;  grazzi ta’ kemm għallimna nkantaw u nitolbu permezz tal-kant; grazzi tad-direzzjoni spiritwali li kien jagħtina minn żmien għal żmien. Fl-aħħar nett, ngħidulu grazzi tal-wirt mużikali li ħalla lill-poplu kollu tal-Fgura.

Non omnis moriar. It-tifkiriet tiegħek żgur li se jibqgħu jgħixu magħna għal dejjem!

Agħfas hawn biex tmur lura fil-Lista ta' l-Għaqdiet